Futbol Sport

FILMAT: Andrè Schembri se jsir l-ewwel plejer Malti li jilgħab fl-għola diviżjoni tal-Indja

André Schembri se jkun qed jilgħab għal sena oħra barra minn pajjiżna hekk kif tħabbar bħala plejer ta’ Chennaiyin FC fl-ogħla diviżjoni tal-Indja. Hu se jkun l-ewwel plejer Malti li se jilgħab fis-Super Liga Indjana. Schembri li għandu 33 sena kien plejer liberu wara li ntemm il-kuntratt tiegħu ma’ Apollon Limassol fejn magħhom sar l-ewwel plejer Malti li skorja fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League.

Din se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Schembri barra mill-Ewropa. Wara li f’pajjiżna lagħab mat-timijiet tal-kbar ta’ Hibernians u Marsaxlokk, Schembri beda l-esperjenza barra l-pajjiż fil-Ġermanja.Hu lagħab ma’ Eintracht Braunschweig, Carl Zeiss Jena u FSV Frankfurt qabel lagħab ma’ Austria Karnten fl-Awstrija, Ferencvaros fl-Ungerija, Olympiacos Volou u Panionios fil-Greċja u Omonia f’Ċipru.

Fl-2016 hu kellu esperjenza fl-ogħla diviżjoni Portugiża ma’ Boavista u s-sena ta’ wara rritorna f’Ċipru ma’ Apollon Limassol. Fl-istess staġun, Schembri skorja l-gowl rebbieħ fis-Super Cup Ċiprijotta kontra APOEL Nicosia. Hu rtira mix-xena internazzjonali f’Novembru tas-sena l-oħra, bl-aħħar logħba tkun id-draw ta’ 1-1 kontra l-Gżejjer Faroe fil-UEFA Nations League. B’kollox mat-tim nazzjonali lagħab 94 logħba u skorja tliet gowls.

“Ħafna bdew jistaqsu imma finalment ħadt id-deċiżjoni. Dan l-istaġun se mmur fl-Indja biex nilgħab ma’ Chennaiyin. Il-klabb rebaħ is-Super League Indjan darbtejn fl-aħħar erba’ staġuni u għandu l-ambizzjoni li jirbaħ aktar titli f’dan l-istaġun. Ninsab ħerqan għal din l-esperjenza li se tibdel ħajti u ma nistax nistenna aktar biex ningħaqad mat-tim,” kiteb Schembri fuq il-paġna uffiċjali tiegħu fuq facebook.

F’kumment lis-sit uffiċjali ta’ Chennaiyin, Schembri qal li jittama li din tkun l-aqwa sena tal-karriera tiegħu hekk kif l-għan tagħhom hu li jirbħu l-kampjonat. “L-għan tagħna hu li bl-esperjenza u l-ħiliet ta’ leader tiegħi ngħin liż-żgħażagħ. Jien plejer li nilgħab għat-tim u ninsab kuntent ħafna li nifforma parti mill-familja ta’ Chennaiyin.

Chennaiyin hu klabb li twaqqaf fl-2014 u fl-aħħar erba’ staġuni rebaħ is-Super Liga Indjana darbtejn. Fl-istaġun li għadda huma spiċċaw fl-aħħar post b’disa’ punti iżda għandhom il-mira li jirritornaw fost l-aqwa timijiet fil-pajjiż. Fil-passat riċenti, Chennaiyin akkwistaw diversi plejers ta’ fama internazzjonali fosthom Marco Materazzi, John Arne Riise, Alessandro Nesta, Mikael Silvestre u l-kowċ attwali ta’ Ħamrun Spartans Manuele Blasi.

Schembri sar is-sitt akkwist ta’ Chennaiyin wara Nerijus Valskis, Lucian Goian, Dragos Firtulescu, Masih Saighani u Edwin Sydney Vanspaul.