Internazzjonali

Il-Brażil jirriffjuta flus mill-G7 għall-ġlieda kontra n-nirien fl-Amazon

Il-Gvern Brażiljan qal li se jirriffjuta l-offertà ta’ għajnuna finanzjara mill-pajjiżi tal-G7 biex jgħin fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti tal-Amazon.

Il-President Franċiz Emmanuel Macron, li kien qed jilqa’ s-Summit li ġie fi tmiemu lbieraħ, qal li kienu se jkunu rilaxxati US$22 miljun.

Uffiċċjali Brażiljani ma tawx raġuni għalfejn qed jiġu rriffjutati dawn il-flus. Iżda l-President Jair Bolsonaro akkuża lil Franza li qed jittratta lill-Brażil bħala kolonja.

Il-Ministru tad-Difiża qal li n-nirien fl-Amazon mhumiex bla kontroll.

Il-Ministru Fernando Azevedo qal li 44,000 suldat intabgħtu biex jiġġieldu n-nirien u l-kriminalità ambjentali.

Sadanittant, f’kummenti dwar din l-offerta, iċ-Chief of Staff ta’ Bolsonaro Onyx Lorenzoni qal lil Website Globo: “Grazzi imma forsi dawn ir-riżorsi huma aktar relevanti biex jirriafforestaw l-Ewropa”.