Internazzjonali

Il-Brażil jiċħad l-offerta tal-G7 fil-kriżi tal-Amażonja

Il-Gvern tal-Brażil qal li se jiċħad l-offerta tal-għajnuna mingħand il-pajjiżi tal-G7 bil-għan li jkunu kontrollati n-nirien  li qed jeqirdu lir-rainforest tal-Amażonja.

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron – li laqqa’ l-aħħar summit tal-G7 li ntemm nhar it-Tnejn – kien qal, qabel, li madwar 20 miljun ewro kellhom ikunu ‘investiti’ bħala appoġġ lill-miżuri fil-konfront ta’ kriżi li qed thedded il-klima tad-dinja.

Madankollu, il-Ministri Brażiljani qalu li dawn il-flus mhumiex meħtieġa waqt li akkużaw lill-potenzi barranin b’li ‘qegħdin jippruvaw jikkontrollaw ir-reġjun tal-Amażonja’. Dan meta n-nirien qalb foresta fil-Brażil ( fil-parti kbira fl-Amażonja) qegħdin jaqbdu f’livelli rekord.

Meta tkellem dwar l-offerta tal-għajnuna mingħand il-G7, Onyx Lorenzoni, il-Kap tal-Istaff tal-President Brażiljan, Jair Bolsonaro, qal li ‘jirringrazzja lill-potenzi għall-offerta iżda jemmen li r-riżorsi offruti għandhom ikunu aktar relevanti għall-ħarsien u r-restawr tal-foresti fl-Ewropa.’

Lorenzoni rrefera wkoll għan-nirien li, f’April, kienu qerdu l-katidral ta’ Notre Dame, f’Pariġi waqt li kkritika lil Macron ‘talli jrid jagħti l-lezzjonijiet lill-Brażil meta hu lanqas ma seta jevita nar previdibbli f’katidral li hu parti mill-patrimonju tad-dinja’.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Brażiljan, Ernesto Araujo qal li hemm diġà l-mekkaniżmi biex irażżnu l-qerda ta’ foresta taħt l-awspiċi tal-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima.

Il-flus għall-kriżi fl-Amażonja tħabbru nhar it-Tnejn meta l-Mexxejja tal-pajjiżi tal-G7 – il-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti kienu qed jiltaqgħu fi Biarritz.

Iżda Bolsonaro – li fl-aħħar ġimgħat kien involut f’battibekk pubbliku ma’ Macron – akkuża lill-President Franċiż rigward ‘sensiela ta’ attakki bla raġuni kontra r-reġjun tal-Amażonja’ u li ‘hu ( Macron) ħeba l-intenzjonijiet vera tiegħu wara l-idea ta’ ‘alleanza’ tal-Istati tal-G7’.

Il-President Bolsonaro ilu jinsistu li l-pajjiżi Ewropej għandhom ‘aġenda’ bil-għan li jiksbu aċċess għar-riżorsi naturali tal-Brażil.