Il-kowċ nazzjonali Malti Ray Żażu Farrugia sejjaħ skwadra ta’ 23 plejer għaż-żewġ impenji li jmiss kontra n-Norveġja u r-Rumanija. Malta tkompli Grupp F mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew b’żewġ logħbiet barra minn Malta.
Fil-5 ta’ Settembru, Malta tilgħab kontra n-Norveġja f’Ullevaal Stadium fid-8.45pm u kontra r-Rumanija fit-8 ta’ Settembru fi Stadionul Ilie Oana fis-6.00pm ħin ta’ Malta. It-tim Malti ġej minn żewġ logħbiet diffiċli f’Ġunju li għadda, b’telfa fl-Iżvezja ta’ 3-0 u telfa ta’ 4-0 kontra r-Rumanija fl-Istadium Nazzjonali ftit wara.
Jispikka n-nuqqas mill-iskwadra tal-captain tat-tim nazzjonali Michael Mifsud. Il-plejer ta’ 38 sena hu l-aktar plejer li lagħab u skorja mat-tim nazzjonali b’total ta’ 41 gowl f’139 logħba iżda ma kienx fl-iskwadra ta’ Birkirkara li tilfet kontra Floriana fl-ewwel logħba tal-kampjonat. Leighton Grech ta’ Senglea Athletic, Luke Montebello ta’ Birkirkara kif ukoll Ryan Fenech u John Mintoff ta’ Sliema Wanderers, kienu parti mill-aħħar skwadra proviżorja.
Mill-aħħar skwadra proviżorja, Farrugia sejjaħ lid-difensuri Karl Micallef u Jurgen Pisani ta’ Ħamrun Spartans u Floriana rispettivament, lill-midfielder ta’ Gżira United Nikolai Muscat u lill-attakkant ta’ Sliema Wanderers Jean Paul Farrugia. Fuq in-naħa l-oħra, Jonathan Caruana ta’ Valletta u Matthew Guillaumier ta’ Birkirkara għadhom qed jirkupraw minn injuries filwaqt li Bjorn Kristensen ħareġ imweġġa’ mill-ewwel logħba tal-kampjonat ta’ Hibernians.
Il-plejers imsejħa se jingħaqdu mal-iskwadra wara l-partiti mit-tieni ġurnata tal-Kampjonat Premier li se jintlagħbu bejn għada u l-Ġimgħa, hekk kif sar arranġament biex il-kowċ nazzjonali jkollu l-plejers qabel biex ikollu aktar ħin magħhom. L-iskwadra tmur lejn Oslo fit-3 ta’ Settembru. “L-istaġun 2019/20 għadu kemm beda iżda l-plejers ħadmu iebes fil-pre-season u ħafna minnhom kienu fl-azzjoni fil-kompetizzjonijiet Ewropej u f’partiti ta’ ħbiberija, fattur pożittiv rigward il-kundizzjoni fiżika.”
Farrugia qal li ż-żewġ logħbiet kontra n-Norveġja u r-Rumanija huma diffiċli ħafna speċjalment minħabba li dawn iż-żewġ timijiet qed jisfidaw għall-ewwel żewġ postijiet fil-grupp biex jikkwalifikaw għall-Kampjonat Ewropew. “Bħal dejjem se nagħmlu minn kollox biex nippreparaw tajjeb u jkollna l-aħjar prestazzjoni possibbli. Nittamaw li l-isforzi tagħna jsarrfu f’riżultati pożittivi.
Fi Grupp F wara erba’ logħbiet Spanja tinsab b’punti massimi, Rumanija u l-Iżvezja għandhom seba’ punti, in-Norveġja għandha ħames punti, tnejn aktar minn Malta, bil-Gżejjer Faroe għadha mingħajr punt.
Skwadra proviżorja
Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta), Justin Haber (Gżira United), Andrew Hogg (Birkirkara)
Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Ferdinando Apap (Hibernians), Steve Borg (Valletta), Joseph Mbong (Hibernians), Karl Micallef (Ħamrun Spartans), Zach Muscat (Pistoiese), Jurgen Pisani (Floriana), Dexter Xuereb (Mosta), Joseph Zerafa (Valletta)
Midfielders: Triston Caruana (Ħamrun Spartans), Juan Corbalan (Gżira United), Paul Fenech (Balzan), Luke Gambin (Colchester), Jake Grech (Hibernians), Nikolai Muscat (Gżira United), Rowen Muscat (Valletta), Dunstan Vella (Hibernians)
Attakkanti: Alfred Effiong (Balzan), Jean Paul Farrugia (Sliema Wanderers), Kyrian Nwoko (Valletta)
//= $special ?>