L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, l-MDA, temmen li l-Oppożizzjoni tista’ tkun mutur biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem.
Sostna dan, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti waqt laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap tal-Partit Adrian Delia. Għal dan il-għan, hu appella biex l-Oppożizzjoni tkun b’saħħitha u magħquda għax fil-Gvern hemm min għejja u l-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni li tkun xprun.
Sandro Chetcuti lmenta minn żieda qawwija fil-burokrazija, tant li f’ċerti każi l-affarijiet marru back to square one, b’entitatijiet li qed ikunu dgħajfin ma’ min hu b’saħħtu u b’saħħithom ma’ min hu dgħajjef.
Fost dawn, semma’ lis-Sovrintenenza għall-Ħarsien tal-Wirt Kulturali, l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, fejn qed jgħolew l-ispejjeż f’livelli li ma jagħmlux aktar sens.
Semma’ wkoll is-sitwazzjoni fil-Qrati, fejn id-dewmien esaġerat qed iwassal biex min ikollu raġun, jaqta’ qalbu u jillimita t-telf milli jispiċċa s-snin jistenna l-ġustizzja kif ukoll fil-banek, fejn investituri qed jitnaffru minħabba diffikultajiet burokratiċi qawwija anke biex sempliċement jiftħu kont.C
Sandro Chetcuti semma’ wkoll il-problema tal-iskart tal-kostruzzjoni, fejn m’hemmx aktar postijiet fejn wieħed jiddisponi mill-iskart.
Dwar il-Liġi tal-Kera, il-President tal-MDA qal li din ma solviet xejn mill-problemi fis-settur, iżda poġġiet aktar piż fuq is-sidien. Staqsa x’se jiġri meta l-boom fil-qasam tal-propjeta’ tistabbilizza u s-sidien ikunu ffaċċjati bil-piżijiet ta’ din il-Liġi f’ambjent fejn id-domanda tkun aktar kajmana.
Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Liġi dwar il-Kera poġġiet żewġ piżijiet kontra xulxin.
Minħabba n-nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern, li għażel li jkabbar l-ekonomija billi jżid il-popolazzjoni, il-Gvern qed jipprova jirreaġixxi billi jirregola settur li ma tistax ittih skossi mil-lum għall-għada.
Kompla li dan qed iwassal biex ikollha effett fuq iż-żagħżagħ li qed jippruvaw jibdew il-ħajja billi jkollhom saqaf fuq rashom, kif ukoll fuq l-anzjani, li qed jiffaċċjaw probabbiltajiet akbar li jinħarġu minn djarhom.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li s-settur privat u stakeholders bħall-MDA huma parti mis-soluzzjoni u għalhekk, qed jiltaqa’ mal-istakeholders differenti biex ifassal il-politika tiegħu f’oqsma differenti.
Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina u l-President tal-Forum Opportunijiet Indaqs Graziella Attard Previ.
//= $special ?>