Internazzjonali

Johnson & Johnson immultati $572 miljun dwar mediċini perikolużi

Johnson & Johnson, il-kumpanija Amerikana li timmanifattura l-mediċini qed tiffaċċja multa ta’ US$572 miljun talli kkawżat krizi fil-viżżju tal-abbuż minn mediċini kontra l-uġigħ fl-istat ta’ Oklahoma.

Hekk kif il-Qrati Amerikani taw din is-sentenza, il-kumpanija mill-ewwel qalet li kienet se tappella.

Jidher li dan hu biss każ wieħed minn eluf li mistennija jinfetħu kontra kumpaniji li jużaw l-opioid fil-mediċini li jimmanifatturaw.

Aktar kmieni din is-sena l-istat ta’ Oklahoma daħal f’arranġament ma żewġ kumpaniji oħra li taw kumpens ta’ US$270 miljun u US$85 miljun, b’Johnson & Johnson ma jilħqux arranġamenti simili.

L-Imħallef Balkman tal-Qorti Distrettwali ta’ Clevelend f’Oklahoma qal li nstab li Johnson & Johnson kienu użaw metodi li jqarrqu biex jipprommwovu l-bejgħ tal-mediċini tagħhom. Xi ħaġa, li l-Imħallef qal poġġa f’riskju serju l-ħajjiet ta’ eluf ta’ persuni f’dan l-istat.

L-opioids kienu l-kawża ta’ aktar minn 400,000 mewta b’overdoze bejn 1999 u l-2017 skond iċ-Ċentri Amerikani għat-Trażżin u l-Prevenzjoni tal-Mard, u mis-sena 2000 ‘l hawn madwar 6000 persuna mietu fl-istat ta’ Oklahoma b’overdozes ta’ opioids.