Internazzjonali

Kienu koppja maħbuba u rrispettata

Hemm dubji kbar dwar jekk Frank u Carmen Sant, rawx lis-sewwieq l-ieħor hekk kif qabdu salib it-toroq f’Coveny Street, f’Doonside, Sydney, is-sit fejn tilfu ħajjithom il-koppja Maltija li kienu jgħixu l-Awtralja.

Kameras tas-sigurtà qrib is-sit tal-inċident juru l-karozza 4-wheel drive tal-koppja Sant f’impatt vjolenti ma’ Nissan Pulsar, li ma ċediex fejn kellu jieqaf.

Mal-impatt, il-karozza tal-anzjani Maltin inqalbet kemm-il darba qabel ma baqgħet dieħla fi grada ta’ Sikeiti Naufahu. Naufahu qal lil aġenzija lokali tal-aħbarijiet li l-impatt instema’ qisu terremot.

Spjega li kif ħareġ mid-dar, ra raġel li dendel rasu u mara li dehret li kienet tilfet ħajjitha.

Qraba ta’ Frank u Carmen li tkellmu mal-ġurnalisti wara li żaru s-sit tal-inċident qalu li l-koppja kienet maħbuba u rrispettati ferm fil-komunità Maltija.  Erba’ minuti bogħod mis-sit, il-ġirien kienu qed jippruvaw jifhmu dak li kien għadu kemm seħħ.

Doreen McCleary, waħda mill-ġirien, iddeskriviet lill-koppja bħala waħda meraviljuża. Qalet li ilha taf lil Frank u Carmen ħafna snin – hu kien iħobb il-ġnien, iżda hi, sfortunatament, mardet dan l-aħħar.

S’issa għadhom mhux magħrufa d-dettalji ta’ meta l-koppja Maltija se tingħata l-aħħar tislima.

Sadanittant, il-Pulizija arrestat lis-sewwieq tan-Nissan, Harjinder Singh ta’ 22 sena, b’lista twila ħafna ta’ akkużi fosthom żewġ kapi ta’ akkużi ta’ sewqan perikoluż li kkawza l-mewt.

Is-sit fejn seħħ l-inċident hu meqjus bħala perikoluż fost in-nies li joqgħodu fil-viċin, tant li kienu diversi l-inċidenti li seħħew hemm fl-aħħar sentejn.

Fil-fatt, ir-residenti saħansitra għamlu petizzjoni biex issir roundabout minflok is-salib it-toroq eżistenti. Izda f’risposta għall-petizzjoni, id-Direttur ta’ City Assets Rudi Svarc qal li r-roundabout mhix priorità u li hi mniżżla bħala proġett futur.