Internazzjonali

L-Italja: Ikomplu t-taħditiet ta’ koalizzjoni, bil-partiti jaqblu dwar Prim Ministru

It-taħditiet għat-twaqqif ta’ Gvern Taljan ġdid ħadu spinta ġdida wara li l-Mexxejja tal-Moviment Cinque Stelle u l-Partit Demokratiku tax-Xellug (PD) qablu li Giuseppe Conte għandu jkompli bħala Prim Ministru tal-Italja.

Sadanittant, il-Moviment immexxi minn Luigi Di Maio u l-PD ta’ Nicola Zingaretti għandhom sa għada biex jiffurmaw koalizzjoni. F’każ li huma jfallu, il-President tal-Italja, Sergio Mattarella għandu jaħtar Gvern proviżorju waqt li jsejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.

Kien biss fl-aħħar ħinijiet li seħħ żblokk fis-sitwazzjoni wara li Cinque Stelle kien qed jirrifjuta li jiltaqa’ mal-PD sakemm tal-aħħar jagħti l- approvazzjoni uffiċjali biex Conte – il-Prim Ministru fil-koalizzjoni preċedenti li xoljiet ftit tal-jiem ilu – jingħata mandat biex imexxi lill-Gvern ġdid.

Luigi Di Maio, illum għamilha ċara li ‘iddejjaq bil-logħob politiku’ waqt li ħassar ‘summit’ ippjanat mal-PD dwar il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid u li fih (aktar kmieni llum) kellhom jieħdu sehem Di Maio, flimkien mal-Kap tal-PD, Nicola Zingaretti.

Il-Partit tal-Lega ta’ Matteo Salvini kien qed imexxi l-koalizzjoni preċedenti ma’ Cinque Stelle ( u li damet fis-seħħ 14-il xahar) sakemm Salvini, effettivament, temm il-koalizzjoni fejn qal li ma setax jaħdem aktar mal-partit ta’ Di Maio.

Madankollu, Conte qed ikompli bħala Prim Ministru proviżorju waqt li qed ikomplu t-taħditiet għal amministrazzjoni ġdida f’Ruma.

Min-naħa tiegħu, Luigi di Maio qed jgħid li ‘mhux inkwetat dwar il-probabbiltà ta’ elezzjoni bikrija’. Intant, sitwazzjoni fejn Cinque Stelle u l-PD jaqblu dwar koalizzjoni ġdida sad-deadline ta’ għada tkun tfisser falliment għal Salvini fit-tentattiv tiegħu biex jikkonsolida ‘poter assolut’ għall-Partit tal-Lega.