Internazzjonali

L-Indoneżja: Belt kapitali ġdida fuq il-gżira ta’ Borneo

Il-belt kapitali tal-Indoneżja għandha tkun relokata għall-provinċja ta’ Kalimantan tal-Lvant, fuq il-gżira ta’ Borneo, skont ma ddikjara l-President Indoneżjan, Joko Widodo.

Il-belt ta’ Jakarta – fil-preżent il-kapitali tal-Indoneżja – tinsab f’zona li hi dejjem mimlija bl-ilma, b’sezzjonijiet tal-belt qegħdin jegħrqu b’massimu ta’ 25 ċentimetru fis-sena. Dan meta aktar min-nofs it-territorju ta’ Jakarta issa jinsab taħt il-livell tal-baħar.

Ma ngħata l-ebda isem għall-belt li se tissostitwixxi lil Jakarta bħala l-kapitali ġdida tal-Indoneżja. Intant, il-belt ġdida se tinkorpora żewġ reġjuni – ta’ Kutai Kertanegara u Penajam Paser Utara – li għadhom relattivament sotto-żviluppati.

Il-President Widodo fisser il-lokalità tal-kapitali ġdida bħala ‘waħda strateġika ħafna’ u li tinsab qrib iz-zoni urbani.Hu spjega li, fil-preżent, Jakarta qed tbati taħt ‘piż enormi’ bħala ċ-ċentru għall-Gvern u tas-servizzi, minbarra li sservi wkoll bħala s-sede għan-negozju, il-finanzi u l-kummerċ.

Il-lokalità għall-belt kapitali ġdida, fl-istess ħin, għandha ‘il-minimu tas-sogru’ minn diżastri naturali.

Fl-aħħar 20 sena, fl-Indoneżja, kien hemm programm kbir għad-deċentralizzazzjoni tal-Gvern, bil-għan li l-muniċipalitjiet tal-Indoneżja jingħataw aktar saħħa politika flimkien ma’ riżorsi finanzjarji.