Il-President Iranjan, Hassan Rouhani, ħeġġeġ lill-Istati Uniti biex tieħu l-ewwel passi lejn djalogu b’li tneħħi s-sanzjonijiet li kienu imposti fuq pajjiżu. Hu għamilha ċara li, mingħajr dan il-pass, ‘mhumiex se jsiru taħditiet mat-Tmexxija f’Washington’ li kapaċi jiżblokkaw is-sitwazzjoni diffiċli bejn l-Istati avversarji.
Rouhani kkonferma li s-sitwazzjoni mal-Istati Uniti għadha staġnata l-għada li l-President Amerikan, Donald Trump, kien qal li għandu jkun dispost għal laqgħa mal-Mexxejja tal-Iran f’każ li ċ-ċirkustanzi jippermettu.
It-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran eskalaw mindu Trump abbanduna l-ftehim storiku tal-2015 li jillimita l-attivitajiet nukleari min-naħa ta’ Tehran u fejn daħħal mill-ġdid is-sanzjonijiet għar-reġim Iranjan fundamentalista.
Il-President Amerikan irid ftehim ġdid li jiggarantixxi l-kontrolli indefinittivi għall-programm nukleari tal-Iran u li, fl-istess ħin, iwaqqfu l-iżvilupp (mill-Iranjani) tal-missili ballistiċi.
L-Iran, s’issa, qed jirrifjuta għal dan waqt li l-potenzi l-oħra msieħba fil-ftehim tal-2015 (ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, iċ-Ċina u r-Russa) qegħdin jippruvaw iżommu ħaj il-patt storiku. Madankollu, is-sanzjonijiet affettwaw ħażin ħafna lill-esportazzjoni taż-żejt mill-Iran, bl-inflazzjoni fil-pajjiż qed tavviċina livelli rekord.
//= $special ?>