Sport Waterpolo

Marsaskala pass bogħod mill-finali tal-play-off għar-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Martin Agius)

BIRŻEBBUĠA FREEPORT………. 12 MARSASKALA FISH AND FISH…….. 16

(3-6), (3-2), (3-5), (3-3)

Marsaskala Fish and Fish resqu pass ieħor li jilagħbu l-finali tal-play-off għar-rebħ tal-kampjonat wara rebħa fuq Birżebbuġa Freeport 16-12. Din ir-rebħa kienet it-tieni waħda fi tlett ijiem fuq Birżebbuġa wara li l-Ħadd rebħu l-finali tan-knock-out. Marsaskala dehru aktar kompatti bħala tim u kkonsolidaw il-vantaġġ li bnew kmieni fil-logħba.

Fl-ewwel sessjoni Marsaskala kisbu l-vantaġġ li kellhom bżonn hekk kif rebħu l-ewwel sessjoni 6-3. Kien biss meta David Cutajar ġab id-draw li Birżebbuġa ma kinux minn taħt. Fiż-żewġ okkażjonijiet l-oħra meta skorjaw, Marsaskala għarfu jwieġbu mill-ewwel biex bnew vantaġġ tajjeb.

Birżebbuġa urew sinjali li setgħu jirkupraw fit-tieni sessjoni b’gowls minn Mikhael Cutajar u Antonio Petkovic biex naqqsu d-distakk għal 6-5 u temmew is-sessjoni 8-6 minn taħt.

Iżda Marsaskala kisbu l-vantaġġ meħtieġ fit-tielet sessjoni meta wara li Cutajar wieġeb għal Kristijan Milakovic, it-tim ta’ Dorian Pisani skorja erba’ gowls konsekuttivi u fetaħ vantaġġ komdu ta’ 13-7. Birżebbuġa pruvaw jibqgħu fil-logħba u naqqsu d-distakk minn Jake Bajada u David Cutajar u fl-aħħar sekondi kellhom ċans li jagħmlu l-iskor 13-10 madankollu Petkovic qassam ħażin.

Marsaskala neħħew kull dubju mir-rebħa b’gowls minn Milakovic u Jean Claude Cutajar kmieni fl-aħħar sessjoni biex minn hemm ikkontrollaw il-logħba sat-tmiem.

Birżebbuġa: D. Spiteri, M. Borg, N. Cassar, D. Pace Lupi, R. Spiteri, A. Petkovic (2), S. Vassallo, D. Cutajar (5), J. Bajada (1), M. Cutajar (2), A. Goreta (2), M. Ortoleva, A. Bugeja

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (2), A. Camenzuli, M. Manara, M. Aquilina, L. Grixti, K. Navarro, K. Milakovic (7), K. Averka (3), J. Culic (1), R. Attard (1), D. Borg Millo, M. Borg, L. Felice (1), J. Ciantar (1)

Referees: Peter Balzan, Giuseppe Fusco