Il-linja nazzjonali Maltija Air Malta ippreżentat kawża għad-danni kontra l-assoċjazzjoni tal-piloti u l-membri tal-kumitat eżekuttiv fejn qed tgħid li l-azzjoni ndustrijali li saret ix-xahar li għadda mill-ALPA kienet waħda llegali.
Din l-azzjoni ttieħdet fid-dawl ta’ deċiżjoni li kienet ittieħdet mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn kienet laqgħet it-talba tal-linja tal-ajru wara mandat ta’ inibizzjoni li kien sar minnha, fejn kienet qalet li azzjoni ndustrijali kienet waħda llegali.
L-ALPA kienet qed tikkonstata li dak li kienet qed tagħmel il-linja tal-ajru kien qed jikser il-ftehim kollettiv tal-piloti. Il-Qorti kienet laqgħet il-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mil-Air Malta kontra l-unjin tal-bdoti ALPA u dan kien ifisser li l-bdoti ma setgħux jipproċedu b’azzjoni industrijali.
Il-Qorti kienet qalet ukoll li l-Air Malta rnexxielha tipprova li għandha jedd li tħares dak li trid il-liġi u għalhekk waqqfet lill-Assoċjazzjoni tal-Piloti milli tordna azzjonijiet industrijali fl-Air Malta.
Aktar qabel l-Air Malta kienet ippreżentat it-talba għal mandat wara li l-ALPA qalet li kienet se tibda azzjoni industrijali fuq tilwima li għadha għaddejja. L-azzjoni industrijali kienet se tikkonsisti minn dewmien fit-titjiriet kollha bi 30 minuta.
Fil-Qorti, il-Viċi President tal-ALPA Matthew Degiorgio kien tenna li t-taħditiet fallew wara li ċ-Chief Flight Operations Officer tal-Air Malta Emvic Debono naqas milli jirriżenja. L-ALPA qalet li kienu ffaċċjaw theddid bla bażi ta ’azzjoni dixxiplinarja.
Il-Gvern kien qal li l-bdoti riedu garanzija fuq l-iskema tal-irtirar bikri li kien ta’ €700,000. Din l-istqarrija tal-Gvern kienet ġiet miċħuda fil-Qorti meta xehed rappreżentant tal-ALPA.
Wara d-deċijoni tal-Qorti tat-23 ta’ Lulju, li nqatgħet favur l-Air Malta, issa din qed tikkontendi li issa ppreżentat il-mandat quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed tgħid li taf li ‘bħala fatt’ li r-raġuni wara l-azzjoni ndustrijali minn naħa tal-ALPA kienet li jiksbu pagamenti garantiti mill-Gvern, li għandu isħma ta’ 99% fl-Air Malta.
Il-kumpanija tal-ajru qalet li waqt id-diskussjonijiet li ilhom sejrin sena mal-assoċjazzjoni tal-piloti ‘dejjem fittxet kompromess sensibbli’. Madankollu wara jumejn ta’ diskussjonijiet, fejn il-partijiet waslu fi qbil komuni u li kien għad baqa’ kien biss l-iffirmar tal-ftehim kollettiv wara li ġie ammendat, fit-28 ta’ Ġunju li għadda l-assoċjazzjoni talbet garanziji finanzjarji mill-Gvern, fejn bdiet thedded azzjoni ndustrijali fuq xi ħaġa differenti.
Meta dawn il-garanziji ma sarux bdew l-azzjonijiet. Dan kollu fissser li l-azzjonijiet saru biss għal skop wieħed, dik li t-talba tagħhom lill-azzjonisti tal-kumpanija jseħħu. Il-mandat jgħid ukoll li l-azzjoni ndustrijali tal-ewwel ta’ Lulju kienet sempliċi manuvra biex il-Gvern jispiċċa dahru mal-ħajt bit-tama li jċedi għat-talbiet tal-piloti.
Minkejja li sar id-‘draft’ tal-ftehim kollettiv u dan biex il-kumpanija u l-assoċjazzjoni jiżguraw li ma jkunx hemm ‘problemi ndustrijali’, l-ALPA ma kkoperatx, u bdiet ‘kruċjata’ kontra l-Air Malta, kompla jgħid il-mandat.
Ingħad ukoll li minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti l-affarijiet marru għall-agħar, bl-ALPA ‘tibbumbardja lil management b’numru ta’ allegazzjonijiet fuq dak kollu imaġinabbli, bit-tama li tieħu vantaġġ li ssibb xi żerriegħha li jwassal għall-kunflitt.’
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, Air Malta qed titlob lill-Qorti biex twaqqaf lill-assoċjazzjoni milli tkompli tikser id-drittijiet tal-kumpanija, u biex tiddikjara li l-azzjoni ndustrijali ta’ Lulju kienet waħda llegali u li kienet qed tivvjola l-ftehim kollettiv, u għalhekk qed titlob biex jiġu likwidati d-danni skont il-liġi. L-Avukati Ron Galea Cavallazzi u Edward Mizzi iffirmaw il-mandat.
//= $special ?>