Jibdew jinstemgħu l-provi fuq tlieta mill-akkużati mixlijin bi traffikar ta’ droga waqt party fir-Rabat
Tfajla li kienet waħda minn dawk li tressqet il-Qorti flimkien mal-għarus tagħha, u oħrajn, fuq traffikar u pusses ta’ droga waqt party lejliet Santa Marija għażlet li ma tixhidx biex ma tinkriminax lilha nnfisha. It-tfajla ma riditx tixhed fil-konfront ta’ Wayne Said ta’ 28 sena minn Ħal Qormi, li qed jiġi difiż mill-Avukati Joe Giglio u Roberta Bonello.
Dan kollu meta quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli bdew jinstemgħu l-provi fil-konfront ta’ tlieta mill-25 persuna li kienu ġew arrestati waqt tfittxijiet li saru waqt attività ta’ divertiment fil-limiti tar-Rabat bejn l-14 u l-15 ta’ Awwissu li għadda.
Said qed jiġi akkużat li kellu fil-pusses tiegħu għal skop ta’ traffikar 57 pillola ecstacy. L-Ispettur Frank Anthony Tabone li mexxa l-Prosekuzzjoni spjega fil-Qorti kif il-Pulizija kienet rat qtajja ta’ persuni jittraffikaw id-droga waqt dan il-party.
Dawn kienu tressqu l-Qorti akkużati b’pussess u traffikar ta’ droga ecstasy li għamlu dan f’inqas minn 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ. Il-ġbir ta’ provi bdew fil-konfront ta’ Dusan Stanojevic, Serb ta’ 37 sena li jgħix San Pawl il-Baħar, li qed wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Dan bħalissa jinsab bil-libertà proviżorja wara li l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Frank Anthony Tabone ma kienitx oġġezzjonat għax ikkopera mal-pulizija.
Huwa kien inħeles mill-arrest depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €15,000 u numru ta’ kundizzjonijiet oħra. It-tnejn l-oħra, Russu ta’ 21 sena, Slava Baldacchino li jgħix il-Pietà u Malti għadu miżmum taħt arrest preventiv u għadu qed ifittex avukat filwaqt li Said, ukoll jinsab bil-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000.
Baldacchino allegatament kien inqabad bi traċċi ta’ kokaina. Numru ta’ persuni arrestati waqt l-attività ta’ divertiment fil-limiti tar-Rabat, jew tressqu l-Qorti b’ċitazzjoni jew għad iridu jitressqu b’ċitazzjoni.
L-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga kienet arrestat b’kollox 25 persuna ta’ nazzjonalitajiet varji, kif ukoll Maltin, u li l-età tagħhom tvarja bejn is-17 u t-42 sena. Fost id-droga li nstabet kien hemm kokaina, ħaxixa tal-Kannabis, pilloli ecstasy u ketamina. Il-ġbir tal-provi jkomplu jinstemgħu nhar it-Tnejn, 9 ta’ Settembru.
//= $special ?>