Għall-ewwel darba, Isqof Kattoliku ġie ordnat – bil-barka tal-Papa Franġisku u l-Istat taċ-Ċina – taħt forma ta’ arranġament ġdid. Dan ippermetta biex Yao Shun jingħata l-mandat biex jaqdi l-vokazzjoni ta’ Isqof fir-reġjun tal-Mongolja.
L-iżvilupp hu wieħed sinifikattiv meta l-organizzazzjonijiet reliġjużi fiċ-Ċina jridu jkunu approvati mill-Istat, bis-sitwazzjoni tirriżulta f’tilwima bejn dan il-pajjiż u l-Vatikan li ilha għal għexieren ta’ snin. Intant, f’Settembru tas-sena l-oħra kien intlaħaq ftehim li permezz tiegħu l-Vatikan qed ikollu sehem fil-ħatra tal-Isqfijiet mill-Knisja tal-Istat ( Ċiniż).
Fiċ-Ċina jgħixu mat-12-il miljun Kattoliċi li huma maqsumin bejn l-Assoċjazzjoni Patrijottika Kattolika ( tal-pajjiż) u knisja leali għall-Vatikan li tipprovdi s-servizzi reliġjużi b’mod klandestin.
Għal ħafna snin, il-membri tal-‘knisja klandestina’ irrikonoxxew biss l-awtorità tal-Papa waqt li l-membri tal-Knisja tal-Istat irrifjutaw din l-awtorità. Intant, ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u Beijing ilhom mis-snin ħamsin mgħarrqin fid-diżgwid.
Meta kkonferma l-ordinazzjoni tal-Isqof ġdid – filwaqt li rrefera għalih bħala Antonio Yao Shun – il-Vatikan sostna li din il-ħatra ‘hi l-ewwel li saret taħt il-Ftehim Proviżorju bejn is-Santa Sede u r-Repubblika taċ-Ċina.’
Filwaqt li numru ta’ Kattoliċi jqisu l-ftehim bejn il-Vatikan u Beijing bħala wieħed kontroversjali, l-ordinazzjoni ta’ Yao Shun tista’, fil-fatt, tkun mument notevoli fl-impenji għal rikonċiljazzjoni bejn l-Istat tal-Vatikan u ċ-Ċina.
//= $special ?>