Sport Sport Ieħor

Bidu pożittiv minn Luxol fil-UEFA Futsal Champions League … pass eqreb li jikkwalifikaw

(Ritratt: Joe Borg)

LUXOL………………….. 5 FC FIORENTINO………………………… 0

Iċ-champions Maltin Luxol kellhom bidu mill-aqwa meta għelbu liċ-champions ta’ San Marino FC Fiorentino 5-0. B’hekk Luxol jinsabu pass eqreb li għat-tieni darba fl-istorja tagħhom javvanzaw għar-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League.

It-tim Malti kellu ħafna pussess fl-ewwel fażi tal-logħba iżda huma kienu mċaħħda mill-gowlkiper avversarju. Kien lejn nofs it-taqsima li Luxol fetħu l-iskor b’xutt b’saħħtu mid-distanza tas-Sloven Dejan Bizjak. Everton Veve rdoppja l-vantaġġ b’konklużjoni mill-viċin sekonda qabel il-mistrieħ, gowl li serva ħafna biex Luxol setgħu jikkontrollaw il-logħba.

Il-vantaġġ kiber għal tliet gowls, minuta u 16-il sekonda mill-ftuħ tat-tieni taqsima b’Maicon da Silva jieħu vantaġġ minn żball difensiv ta’ Fiorentino. Il-Brażiljan Celino Alves għamilhom erba’ ftit aktar minn minuta wara, biex lejn nofs it-tieni taqsima, Everton Veve skorja l-ħames gowl b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.

Luxol jilagħbu l-Ħamis kontra ċ-champions tal-Moldova Dinamo Chisinau, konfront li probabbli jiddeċiedi d-destin ta’ Luxol fil-kompetizzjoni.