Ir-Reġina Eliżabetta approvat pjan biex il-Parlament tar-Renju Unit ikun sospiż minn wara l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru. Dan wara li Gvern tal-Prim Ministru Boris Johnson talab lir-Reġina biex tissospendi l-Parlament, bit-talba sorpriża sseħħ ftit jiem biss qabel id-deputati għandhom jirritornaw għax-xogħol ix-xahar id-dieħel.
Aktar sinifikanti hu li s-sospensjoni hi indikata għal ftit ġimgħat biss qabel id-deadline għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru.
Boris Johnson qal li d-diskors tar-Reġina li jiftaħ sessjoni ġdida tal-Parlament għandu jsir fl-14 ta’ Ottubru u fejn hi se tfassal l-aġenda li għandha titressaq. Madankollu, jidher li se jonqos iż-żmien għad-deputati f’Londra biex jgħaddu l-liġijiet li jevitaw no-deal Brexit lejn l-aħħar ta’ Ottubru.
Min-naħa tiegħu, l-iSpeaker tal-House of Commons, John Bercow, fisser il-pass ta’ Johnson bħala inaċċettabbli fid-dawl tal-Kostituzzjoni. Bercow qal li jidher ovvju li s-sospensjoni tal-parlament għandu l-iskop biex iwaqqaf lid-deputati milli jiddibattu l-Brexit u biex l-assemblea ma twettaqx id-doveri tagħha lejn it-tfassil tad-direzzjoni li għandu jaqbad ir-Renju Unit.
Il-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, qal li kiteb lir-Reġina biex jitlob laqgħa urġenti qabel kwalunkwe deċiżjoni. Hu ikkritika l-intenzjoni ta’ Boris Johnson għal Parlament sospiż u akkużah ‘b’li qed jipprova jwassal għal sitwazzjoni fejn il-pajjiż joħroġ mill-UE mingħajr ftehim.’
Madankollu, Boris Johnson ċaħad għas-suġġerimenti li s-sospensjoni hi motivata mix-xewqa għal no-deal. Hu kompla li ma jridx jistenna sa wara l-Brexit biex ikompli bil-pjani għall-futur tar-Renju Unit waqt li sostna li jkun hemm żmien biżżejjed għad-deputati fil-House of Commons biex jiddibattu t-tluq ta’ pajjiżhom mill-UE.
Johnson, fl-istess ħin, enfasizza l-ħtieġa għal leġislazzjoni ġdida u li jitressqu abbozzi ġodda u importanti għall-pajjiż.
L-għeluq tal-Parlament Britanniku jista’ jsir ladarba l-Prim Ministru jagħti parir lir-Reġina biex tieħu dan il-pass. Iżda d-deċiżjoni biex l-għeluq tal-House of Commons isir issa hi kontroversjali għall-aħħar, bl-avversarji ta’ dan il-pass jinsistu li d-deputati mhumiex se jkunu jistgħu jaqdu r-rwol demokratiku sħiħ fil-proċess tal-Brexit.
//= $special ?>