Sport Waterpolo

Gabriel Melillo għeleb l-isfida ta’ nuqqas ta’ smigħ u llum qed jispira lil żgħażagħ oħra

Gabriel Melillo, żagħżugħ ta’ 16-il sena li fl-aħħar xhur għamel titjib sinifikanti li qed ikun meqjus bħala wieħed mit-talenti tal-futur tal-klabb ta’ Sirens kif ukoll tal-waterpolo lokali. Il-progress li għamel Melillo fl-aħħar xhur, wassal ukoll biex il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo jqisu bħala plejer regolari fit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena.

Gabriel Melillo beda jkun imsejjaħ mat-tim ewlieni ta’ Sirens fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Enemed Cup fejn anki skorja kontra Exiles fid-9 ta’ Frar. Sussegwentament hu daħal ukoll f’xi logħbiet tal-Kampjonat tax-Xitwa kif ukoll f’dan l-istaġun tas-Sajf.

L-aħjar karatteristiċi ta’ Melillo

Iż-żewġ kowċis tiegħu jiġifieri l-kowċ nazzjonali Karl Izzo u l-kowċ ta’ Sirens Sasko Popovski tkellmu bl-aktar mod pożittiv fuq il-plejer żagħżugħ. “Huwa tifel speċjali, speċjali bħala karattru u bħala tifel ukoll. Jiena qatt ma kelli problemi miegħu jiġifieri jiena rajtu jikber din is-sena u għamel progress li ftit rajt plejers jagħmlu din is-sena,” qal Izzo.

Sasko Popovski faħħar ħafna l-mod kif jikkontrolla l-logħba u qal li hu inkredibbli kif jilgħab u kif jaqra l-logħba. Iż-żewġ kowċis tkellmu dwar l-aħjar karatteristiċi ta’ dan iż-żagħżugħ. Popovski hu tal-idea li l-aħjar karatteristiċi tiegħu hu li hu difensur tajjeb u għandu grinta li jaħdem għat-tim. Simili tiegħu qalli Karl Izzo li sostna li hu difensur b’saħħtu u jaf jiddefendi ħafna minn wara filwaqt li żied li hu tifel intelliġenti għaliex jaf jaqra l-logħba.

(Ritratt: Martin Agius)

L-esperjenza tiegħu fil-Kampjonat Ewropew

Melillo kien parti integrali mit-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena li ftit jiem ilu pparteċipa fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li sar fil-Georgia, b’Malta tispiċċa fit-12-il post.

“Aħna lagħbna ma’ timijiet speċjali, kellhom ħafna plejers inkredibbli. Kienet esperjenza biex tara kemm hu differenti l-livell u kif jilagħbu differenti barra minn Malta mhux l-istess bħal Under 17, Under 20 Senior Team li nilgħab hawn. Imma kienet esperjenza vera għenitni biex nara kemm irid naħdem biex nilħaq livell bħal dak.”

Staqsejt lil Melillo x’jaħseb li hi l-akbar problema ta’ Malta biex inlaħħqu ma’ dawn it-timijiet u x’jista’ jsir? Bl-akbar onestà, Melillo qalli li “l-mentalità li hawn Malta lejn l-istudju, mhux tagħti daqshekk importanza lill-isport kif jagħtu barra, li fl-università eċċ jagħtu courses u hekk biex jitqabblu u jidħlu mal-isports fejn Malta m’hemm xejn. Hemm l-Iskola Nazzjonali tal-Isport li qed tipprova u hi a step in the right direction.”

(Ritratt: Joseph Galea)

L-isfida ta’ nuqqas ta’ smigħ

Gabriel Melillo hu tifel partikolari minħabba li għandu nuqqas ta’ smigħ. Ħafna jistaqsu kif inhu possibbli li jirnexxilu jilgħab logħba bħalma hi dik tal-waterpolo, iżda bl-akbar ammirazzjoni, Melillo kellimni dwar din id-diffikultà li għandu. “Barra mill-ilma fortunatament għandi l-użu tal-hearing aid li nikkomunika ma’ sħabi, mal-kowċ, mar-referees u kollox imma sfortunatament fl-ilma ma nistax nilbishom so ikolli problemi biex nisma’ l-plejers, il-kowċ u r-referees.”

“Jiena nħares ħafna lejn ir-referees u plejers jużaw is-sinjali biex jgħinuni nifhem x’inhu jiġri. Waqt li jkollna t-time-outs jew brejk fil-logħob, il-kowċ jagħtini ħafna importanza ħalli nifhem x’inhu jiġri fit-tim. Waqt li nkunu qed nilagħbu, inkun bażikament waħdi għalkemm jgħinuni bis-sinjali so irrid naħseb għalija u nanalizza s-sitwazzjoni,” kompla Gabriel Melillo.

Karl Izzo tkellem fuq dan il-fatt u qal li rnexxielu jegħleb sfida mhux faċli iżda saħaq li lilu ma tantx taffettwah. Hu żied li l-plejer għandu karattru b’saħħtu u ta’ bravura kemm fil-logħba kif ukoll barra mill-ilma u għalkemm hi żvantaġġ iżda ma tħallix daqshekk effett fuqu.

“Hu plejer speċjali biex ikollok din it-tip ta’ problema u xorta tilgħab tajjeb u tkun wieħed mill-aqwa plejers ta’ taħt is-17-il sena f’Malta. Imma anki kieku ma għandux din il-problema, hu plejer tajjeb, difensur tajjeb, plejer li jrid jitħarreġ u waqt it-taħriġ jagħti l-massimu tiegħu,” kompla jitkellem Popovski fuq Melillo.

(Ritratt: Martin Agius)

L-umiltà u r-responsabbiltà tal-plejer ta’ Sirens

Melillo hu umli biżżejjed biex jaċċetta li hu għadu mhux tal-livell tal-plejers fl-iskwadra ewlenija ta’ Sirens, u jqis li hu ta’ unur għalih kull darba li jilgħab xi minuti. Hu jħares li fis-snin li ġejjin jidħol u jilgħab irwol importanti fit-tim.

“Jiena kull darba li nara ismi fuq il-board u nieħu unur, ikolli pride u jkun unur kbir. Anki li kelli dan id-difett u xorta bit-training u bid-determinazzjoni lħaqt s’hemm li nilgħab rwol importanti fil-European Championships. Inħoss li nista’ nkun ispirazzjoni li bid-determinazzjoni u bit-training tista’ tilħaq kull fejn trid tmur anki jekk ikollok xi difett,” qal il-plejer ta’ Sirens.”

L-isfida ta’ kull żagħżugħ li jkun qed jistudja waqt li qed jipprattika xi sport mhix waħda faċli, iżda żagħżugħ bħal Gabriel Melillo hu responsabbli biżżejjed biex jagħraf din l-isfida u jagħmel l-almu tiegħu biex iżomm il-bilanċ.

“Irid ikollok time-management tajjeb ħafna, ovvjament meta tiddeverti jew toħroġ ma tistax iddum ħafna għax bilfors għandek bżonn il-mistrieħ tiegħek. Lejn sport pereżempju xi drabi waqt il-ġurnata jkolli training filgħodu, ikolli skola, ikolli mmur id-dar nistudja għal xi ħaġa u erġajt għat-training so ovvjament m’hemmx ħafna mistrieħ jew m’hemmx ħafna ħin biex tistudja. Imma jiena naħseb li l-isport jgħinek tirrilassa u meta tkun qed tistudja tkun aktar produttiv.”

(Ritratt: Joseph Galea)

Il-futur ta’ Gabriel Melillo

Melillo jħares biex fil-futur jibqa’ javvanza mill-att akkademiku mingħajr ma jinsa l-isport li tant iħobb u diġà għandu ħsibijiet xi jrid jagħmel fil-futur. “L-ewwel irrid nispiċċa l-A Levels u l-Intermediates imma wara rrid insiefer biex inkompli fuq il-waterpolo għax kif għidt għandhom mentalità aħjar lejn l-isport, forsi l-Amerika, forsi xi klabb fl-Ewropa fejn nista’ nistudja u nkompli fuq il-waterpolo.”

Popovski kkonferma li Gabriel Melillo hu wieħed mill-plejers li qed iħarsu biex fi żmien sentejn jew tliet snin oħra jkunu parti mit-tim ewlieni ta’ Sirens u jkun il-futur tal-klabb. “Hu plejer sharp ħafna jiġifieri u kif tkellmu mill-ewwel jifhem is-sitwazzjoni. Tifel tal-ġenn, tifel li tqatta’ u tiekol minnu jiġifieri, la qatt jirrispondi la qatt jitkellem, tifel li jiena I was very proud to be his coach din l-aħħar sena man-nazzjonal,” temm Karl Izzo.

Gabriel Melillo, żagħżugħ b’futur sabiħ quddiemu, plejer li jgawdi l-istima tal-kowċ nazzjonali kif ukoll dak ta’ Sirens, plejer li jaf xi jrid biex ikompli fl-istudju tiegħu mingħajr ma jittraskura l-waterpolo li tant iħobb. Iżda fuq kollox, għaraf jegħleb sfida mhix faċli u saħansitra rnexxielu jilgħab kontra l-aqwa plejers tal-kategorija tiegħu fl-Ewropa.

Persuna li qed isservi wkoll ta’ ispirazzjoni għal diversi żgħażagħ li jkollhom xi diffikultà, hekk kif il-perseveranza tiegħu wasslet biex qed jikseb dak li qed jaħdem għalih. Jekk jibqa’ miexi f’din id-direzzjoni, kapaċi nisimgħu aktar bl-isem Gabriel Melillo kemm ma’ Sirens kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television. Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh fuq Net on Demand https://netondemand.mt/play/3191

Tags