Futbol Sport

Hibernians u Birkirkara ifittxu l-ewwel rebħa f’dan il-kampjonat

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Birkirkara u Hibernians kisbu riżultati differenti iżda naqsu li jiksbu l-ewwel tliet punti tal-kampjonat u jibdew favoriti li jagħmlu dan illum. Huma jaffrontaw lil Senglea Athletic u Tarxien Rainbows rispettivament, żewġ timijiet li mistennija jissieltu kontra r-relegazzjoni.

Fl-ewwel logħba, Hibernians naqsu li juru s-superjorità massima fuq Gudja United u anki kellhom jirkupraw minn gowl żvantaġġ. Id-draw f’din il-logħba jista’ jitqies meritat.

Birkirkara kellhom prestazzjoni sodisfaċenti iżda spiċċaw b’idejhom vojta kontra Floriana, anki jekk kienu sfortunati li laqtu l-lasta aktar minn darba. Wara l-kampanja akkwisti li kellhom, il-pressjoni tinsab fuq Birkirkara biex jibdew jiksbu r-rebħiet li tpoġġihom man-naħa ta’ fuq.

Senglea Athletic kisbu draw kontra t-tim promoss Sirens f’konfront dirett u f’logħba li evitaw telfa iżda setgħu rebħuha fl-aħħar. Tarxien Rainbows jista’ jitqies l-aktar tim dgħajjef wara l-ewwel logħba u għalhekk f’dan il-konfront li hu derby, ma jibdewx favoriti.

Logħob li jmiss

Illum: Centenary Stadium: Senglea Athletic v Birkirkara 6.30pm, Hibernians v Tarxien Rainbows 8.45pm

Għada: Stadium Nazzjonali: Floriana v Balzan 6.30pm, Sliema Wanderers v Valletta 8.30pm

Il-Ġimgħa: Stadium Nazzjonali: Santa Lucia v Gżira United 6.30pm, Ħamrun Spartans v Gudja United 8.30pm, Centenary Stadium: Mosta v Sirens 7.00pm