Kultura Lokali Turiżmu

Id-dati l-ġodda tal-Karnival tas-Sajf

Il-Karnival tas-sajf, li ma sarx fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet wara l-mewta traġika ta’ Jean Paul Bonett, issa se jsir bejn it-30 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru. Dan ġie deċiż wara li saret konsultazzjoni sħiħa mad-dilettanti tal-Karnival infushom.

Organizzat b’kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali, il-karnival tas-sajf huwa karatterizzat minn parata mat-toroq fi rħula ħdejn il-baħar. Il-karrijiet huma ġeneralment iżgħar minn dawk tal-karnival tax-xitwa, u total ta’ 12-il karru, wieħed minnhom minn Għawdex (li se jipparteċipa biss f’San Pawl il-Baħar), kif ukoll 5 skejjel taż-żfin se janimaw l-avvenimenti ta’ tmiem il-ġimgħa.

Kif kien tħabbar, din is-sena l-karnival tas-sajf se jkollu post ġdid flimkien ma’ dawk ta’ Buġibba u ta’ Marsaskala – għall-ewwel darba se jittella’ wkoll f’Birżebbuġa b’parata mat-toroq b’varjetà ta’ karrijiet dekorattivi akkumpanjati minn gruppi ta’ żeffiena.

Il-karnival tas-sajf se jibda f’San Pawl il-Baħar nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Awwissu mis-7.30pm ’il quddiem bil-Gran Dèfilè li jibda minn Dawret il-Gżejjer. Id-dèfilè tas-Sibt ukoll fis-7.30pm se jibda minn Triq il-Maskli (ħdejn is-Santana Hotel) imbagħad se jimxi lejn Islet Promenade, li jara l-kulminu tiegħu fil-pjazza ta’ Buġibba.