Internazzjonali

Il-Ġappun: Mejtin u evakwazzjonijiet fost l-għargħar

Mietu talanqas tliet persuni fost l-għargħar ikkaġunati mill-ħalbiet tax-xita lejn il-Lbiċ tal-Ġappun meta ħarġu direttivi għall-evakwazzjoni ta’ madwar miljun persuna.

L-awtoritajiet, intant, wissew li livelli ta’ xita ‘bla preċedent’ setgħu jixprunaw l-għargħar mix-xmajjar, fost il-valangi tal-art sussegwenti qalb iz-zoni residenzjali.

Il-messaġġ li ħareġ kien dwar ‘sitwazzjoni fejn wieħed kellu jagħmel l-almu biex isalva ħajtu’. Dan meta l-gżira ta’ Kyushu ( lejn in-nofsinar) ilha l-ġimgħat assedjata mix-xita u l-irwiefen, bl-awtoritajiet lokali joħorġu l-ogħla livell tat-twissija fost il-pariri biex il-mijiet tal-eluf tar-residenti jabbandunaw djarhom.

Il-mejtin huma rappurtati li mietu mgħarrqin fil-karozzi tagħhom u meta sal-bieraħ il-periklu mill-elementi kien għadu effettiv. Ix-xita u s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi kienu qed jaffettwaw b’mod partikulari lid-distretti Ġappuniżi ta’ Fukuoka, Saga u Nagasaki.