Lokali

Il-Gvern qed ikaxkar saqajh wara li injora l-proposta tal-UĦM

Il-Gvern u l-MCESD injoraw kompletament it-talba urġenti li saret mill-UĦM sabiex b’mod immedjat tkun diskussa ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel. Dan wara talba li kienet saret mill-istess union lill-MCESD, bil-għan li l-unions u l-Korpi Kostitwiti jitrattaw is-sitwazzjoni preżenti, u l-piż li dawn iż-żidiet ġabu fuq il-ħaddiema u n-negozji.

Net News jista’ jikkonferma li wara t-talba tal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella ma ingħatat l-ebda data għal-laqgħa – sinjal ċar li l-Gvern ma jridx jitrattat dawn iż-żidiet fil-fuels, li daħlu f’nofs dan is-Sajf….eżatt wara li għalaq il-Parlament.

Iż-żidiet waslu biex il-petrol issa telgħa għal 1.41 kull litru, filwaqt li d-diesel telgħa għal 1.28 kull litru; l-aktar prezzijiet għoljin sa mill-2015.

Il-UHM qed titlob kumpens immedjat għal dawn iż-żidiet.

Intant, diversi sorsi ikkonfermawlna li l-unions se jkollhom jistennew kważi xahar sakemm ikollhom l-ewwel laqgħa tagħhom, li hi skedata għall-aħħar ta’ Settembru.

Diversi Korpi Kostitwiti qed jaraw dan it-tkaxkir tas-saqajn bħala ħela ta’ ħin, meta sa dakinhar il-Gvern ikollu kollox lest u preparat għall-Budget tas-sena d-dieħla … u allura kull tip ta’ suppost konsultazzjoni tkun qed isservi biss bħala bżar fl-għajnejn, meta d-deċiżjonijiet importanti jkunu diġa’ ittieħdu mingħajr diskussjoni mal-unions li jirrapreżentaw il-ħaddiema u l-Korpi l-oħrajn.