Internazzjonali

Il-kriżi fl-Amażonja: Bolsonaro jibdel il-pożizzjoni ‘taħt pressjoni’

Il-Gvernaturi tad-disa’ Stati Brażiljani li kienu l-aktar affettwati min-numru rekord ta’ nirien qalb foresta ħeġġew biex il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, jaċċetta l-għajnuna minn barra biex jikkonfronta l-kriżi li qed thedded lill-ambjent fuq livell globali.

Dan wara li Bolsonaro kien irrifjuta offerta ekwivalenti għal 20 miljun ewro mingħand il-pajjiżi tal-G7, wara battibekk jaħraq bejnu u l-President Franċiż, Emmanuel Macron.

Intant, mifhum li, fl-aħħar sigħat, il-Gvern Brażiljan ‘bidel il-pożizzjoni’ rigward din l-għajnuna u wara laqgħa bejn il-Gvernaturi u l-President Bolsonaro. Il-messaġġ li ħareġ hu li ‘il-Brażil għandu jaċċetta l-għajnuna minn barra dment li jkollu l-aħħar kelma fuqhiex iridu jintefqu l-flus’.

Fil-preżent numru allarmanti ta’ nirien qegħdin jaqbdu fir-rainforests qalb ir-reġjun tal-Amażonja li jinkludi fih il-carbons li jgħinu jnaqqsu l-effetti tal-global warming.

Kien meta Bolsonaro ammetta li l-Gvern tiegħu ma kellux ir-riżorsi biex jikkumbatti n-nirien, li l-Mexxejja tal-pajjiżi ewlenin offrew l-għajnuna finanzjarja għal dan l-impenn — fost it-tħassib, fuq livell internazzjonali, dwar il-firxa tan-nirien fl-Amażonja.

Il-President Bolsonaro, wara, irrifjuta l-offerta fejn qal li l-G7 kien qed jitratta lill-Brażil daqslikieku ‘kolonja’. Iżda hu, wara, deher jirtira xi ftit mill-pożizzjoni fejn qal li kien lest biex jikkunsidra l-affarijiet mill-ġdid ‘dment li Emmanuel Macron jitolbu skuża talli kien insulentah’.

Wara l-aħħar laqgħa bejn Bolsonaro u l-Gvernaturi, ingħad li ‘il-Gvern tal-Brażil hu dispost li jirċievi appoġġ finanzjarju mingħand l-Istati u l-organizzazzjonijiet’.