Fil-jiem li għaddew, il-Youth Football Association organizzat is-seminar annwali tagħha f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema, fejn ġew diskussi temi differenti li huma ta’ importanza għall-amministraturi u l-kowċis tan-nurseries.
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, il-President tal-YFA Fr Hilary Tagliaferro saħaq dwar l-importanza tal-valuri fil-futbol u ħeġġeġ lin-nurseries biex jilqgħu lit-tfal kollha u jinfetħu l-bibien għal kulħadd mhux għal ftit magħżula.
Denise Chetcuti u Jareth Grima mis-Sedqa tkellmu dwar programm ta’ prevenzjoni mill-YFA u sena wara t-tnedija tal-programm RUSH fejn ġie diskuss il-pass li jmiss. Huma qalu li fil-5 ta’ Ottubru se ssir attività għat-tfal ta’ taħt id-disa’ snin.
Kurt Formosa tkellem dwar is-sistema teknoloġika tal-COMET li ġiet introdotta mill-MFA sena ilu. Hu ta spjegazzjoni dwar l-aħħar aġġornamenti li saru biex is-sistema tkun aktar effiċjenti, b’dawk preżenti jkollhom l-opportunità li jsaqsu xi problemi li kellhom.
L-assistent direttur tar-referees Andre Arciola għamel preżentazzjoni dwar l-aħħar tibdil li saru fir-regoli tal-futbol. L-aħħar kelliem kien it-tabib John Zammit Montebello li tkellem dwar l-injuries li jsofru dawn iż-żgħażagħ u r-responsabbiltà tal-amministraturi u l-kowċis meta jseħħ inċident li ma jiħdux kull sitwazzjoni b’mod ovvju. L-istaġun tal-YFA jibda nhar is-Sibt 7 ta’ Settembru.
//= $special ?>