L-Uffiċju tal-Prim Ministru qed jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt tax-xogħol ta’ Neville Gafa… bir-raġuni tkun li l-grad tal-paga tiegħu mhux għoli biżżejjed biex ikun ġustifikat il-pubblikazzjoni tal-kuntratt.
B’hekk, wara xhur sħaħ il-popolu Malti għadu fl-għama dwar x’inhu eżatt ix-xogħol li jagħmel Gafà fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u kif inhu involut mal-Libja.
U t-taħwid ikompli jirrenja hekk kif f’mument minnhom Gafà qal li mar il-Libja fuq safra personali iżda fl-istess waqt sostna li waqt l-istess safra hu kien qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru f’laqgħat ma’ uffiċjali tal-Gvern Libjan. Madanakollu, l-uffiċċju tal-Prim Ministru kien irrifjuta li jgħid li Gafà kien qiegħed hemm minħabba din ir-raġuni.
Dan kollu ħareġ fil-gazzetta The Times of Malta meta sar kuntatt mal-Uffiċju tal-Prim Ministru.
Meta oriġinarjament kienu talbu l-kuntratt ta’ Gafà ma kienx ingħatalhom bi skuża li d-dettalji tiegħu kienu ħarġu fil-Parlament. Madanakollu, dettalji bħas-salarju u deskrizzjoni ta’ x’inhu l-irwol eżatt tiegħu ma kinux intqalu. Bi skuża oħra, huma kienu qalu li l-kuntratt mhux se jingħata minħabba informazzjoni personali.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, Muscat kien sostna li ma jistax jagħti informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ Neville Gafà minħabba li ma kellux id-dettalji f’idejh dak il-ħin.
Dan kollu juri li Joseph Muscat m’għandux idea ta’ x’jagħmlu l-ħaddiema fl-Uffiċju tiegħu, anke minkejja li Gafà ilu jaħdem hemm għal dawn l-aħħar seba’ xhur.
Neville Gafà ilu figura ċentrali fil-Partit Laburista, u huwa parti miċ-ċirku ta’ nies magħrufa li jkunu qrib ferm ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Gafà kien implikat fl-iskandlu tal-visas mediċi lil numru ta’ refuġjati Libjani fejn eventwalment kien tkeċċa mill-Ministeru tas-Saħħa.
//= $special ?>