Ambjent Lokali

Jitressaq appell kontra l-proġett kontroversjali Central Link

15-il ngo u residenti ressqu appell kontra l-proġett kontroversjali Central Link li se jkun qed jeqred 50,000 metru kwadru ta’ art agrikola. Dan apparti l-qerda ta’ għexieren ta’ siġar mir-rotta li fiha se tinbena l-bypass il-ġdida li tgħaddi minn Ħ’Attard.

L-appell jitlob sabiex jiġi sospiż kull tip ta’ xogħol minħabba li fl-applikazzjoni għall-proġett ġew injorati l-ħsarat li jistgħu jsiru fuq binjiet storiċi, u nkissru diversi policies. Issemma kif Infrastructure Malta għandha track record li taqbad u tibda xogħlijiet mingħajr ma jkollha l-permessi neċessarji. U għalhekk l-appellanti qed jinsistu li jieqaf dan l-abbuż, u verament jittieħdu deċiżjonijiet għall-ġid tas-saħħa tar-residenti, li jkunu sostenibbli u li jħarsu l-ambjent.

L-appell tressaq mill-Bicycle Advocacy Group, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Ramblers’ Association of Malta, Green House, Moviment Graffitti, Malta Youth in Agriculture Foundation, flimkien ma’ Ralph Cassar, Malcolm Vella Haber, Edward Mallia, Stephen Pace, Cristino Antonio Scerri, Adrian Mallia u John Camilleri.