Festi Kultura Lokali

KUMMENT: Jibda x-xogħol fuq l-Ark il-ġdid ta’ San Publju

“Bil-grazzja t’Alla sibna l-pjanta oriġinali tal-Ark” – Dun Charles Cini

iL-Arċipriet tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju fil-Floriana, Dun Charles Cini ħabbar li beda x-xogħol fuq l-Ark il-ġdid ta’ San Publju wara li l-Ark oriġinali nqered b’nirien li kienu tqabbdu apposta.

Din l-aħbar, niżlet għasel mal-Furjaniżi s-Sibt li għadda, kważi erba’ xhur wara li l-Ark kien inħakem minn nar. L-Ark kien inħaraq eżatt fil-lejl ta’ lejlet il-jum li fih il-vara ta’ San Publju toħroġ min-niċċa.

In-Nazzjon ħadet il-kummenti tal-Arċipriet tal-Floriana fejn qalilna li l-aħwa Sacco, Gilio u Charles, huma dawk li se jaħdmu fuq dan il-proġett. Infatti fuq Facebook tal-Fergħa tal-Armar tal-Parroċċa , tpoġġa ritratt fejn dehru l-voluntiera jiddiskutu magħhom id-disinn.

L-Arċipriet qal li l-Ark għalkemm jista’ jissejjaħ ġdid, se jkun qed jinħadem fuq id-disinn oriġinali ta’ Giorgio Cassar.

Dun Charles Cini qalilna wkoll li d-disinn oriġinali nstab bi grazzja għaliex kien għand persuna li kellu kollezzjoni privata.

“Dan kellu l-ħsieb li jarmiha, iżda b’koanċidenza nżerta tkellem ma’ persuna oħra li hija Furjaniża u tiffrekwenta l-Knisja… dan wara għamel kuntatt magħna, u tana d-disinn oriġinali, tassew kienet grazzja minn Alla”.

L-Arċipriet tal-Florian qal li din il-pjanta bħalissa qiegħed jsir studju fuqha u saret kopja diġitali li issa x-xogħol jista’ jsir fuqha.

Il-Fergħa tal-Armar tal-Parroċċa mal-aħwa Sacco.

L-Ark oriġinali kien ta’ valur kbir għall-Furjaniżi hekk kif din is-sena kien se jagħlaq 120 sena minn mindu ntrama l-ewwel darba. Filfatt, l-Ark tlesta fl-1899 iżda fl-1939 meta kien qed jinħaraq l-injam kollu biex jintuża fil-Victory Kitchen, dan l-Ark kien ġie moħbi wara ħajt fil-Knisja, u kien biss ftit tas-snin ilu li dan reġa’ nstab. L-ark kien reġa’ beda jintuża fl-1999.

“Irridu li l-Ark jerġa’ jintrama, għax dan l-Ark mhux biss uniku għall-Malta iżda għad-Dinja”

Dun Charles Cini mill-ġdid għamel appell għal aktar għajnuna biex jitlesta dan il-progett, huwa qal li l-ispiża hija kbira. Huwa qal li l-Furjaniżi wara l-ħruq tal-Ark ingħaqdu aktar minn qatt qabel, u li kull Furjaniż jinsab fuq ix-xwiek biex jerġa’ jara l-Ark jintrama għall-festa.

Fost dawk li kienu wrew solidarjetà mal-komunita Furjaniza kien hemm il-Kap tal-PN Adrian Delia fejn żar anki l-post fi Triq San Tumas, fejn jintrama l-ark.

Il-Kumitat Sezzjonali tal-PN fil-Floriana wara din it-traġedja kien ukoll ta donazzjoni għall-fond li kien inħoloq biex l-Ark Trijonafli jkun jista’ jerġa’ jsir.