Lokali

L-immigranti għadhom qed jokkupaw il-binja

Wara li t-Tnejn li għadda sar raid f’dik li kienet La Paloma Hotel f’Buġibba, Net News jista’ jikkonferma li ghadd ta’ immigranti għadhom qed jgħixu f’din il-binja. Dan minkejja li mal-faċċata tal-blokka hemm notifika ffirmata mis-Supritindent tas-Saħħa Pubblika li tgħid li s-sit ġie magħluq u l-ebda persuna ma tista’ tmur kontra din l-ordni

Fi żjara li crew ta’ net news għamel f’din il-blokka fi Triq il-Ġifen, mal-ewwel stajna ninnutaw gallariji mimlija ħwejjeġ imdendlin u immigranti deħlin u ħerġin mill-binja… kollha xhieda li l-immigranti għadhom qed jgħixu f’dan il-post.

Però meta provajna nsaqsu lil dawn l-immigranti jekk għadhomx qed jagħmlu użu minn din il-blokka…. ir-risposti tagħhom kollha kienu fin-negattiv.

Stajna ninnutaw ukoll kif meta l-immigranti nnutaw l-kameras ta’ dan l-istazzjon fit-triq…kollha bdew jipprovaw jistaħbew biex ma jurux li għadhom qed jgħixu hemm.

F’bitħa partikolari kien hemm immigrant li x’aktarx qatta’ l-lejl f’din il-binja. Iżda meta staqsejnih x’kien qed jagħmel f’din il-blokka, saħaq li mar iżur ħabib tiegħu… iżda ma sabux.

L-istess persuna qaltilna li f’dal jumejn kien hemm min mar isaqsih għal sid il-blokka, iżda huwa sostna li ma jafx min hu.

Fil-kamra li qabel kienet tintuża bħala reception, kien hemm xi ittri indirizzata lis-sid li mill-isem jidher li hu ta’ nazzjonalita Russa.

Fil-ħin li għamilna fuq ġewwa, mal-ewwel stajna ninnutaw l-istat ta’ abbandun li jinsab fih dan il-post – riħa kbira ta’ umdità, nuqqas kbir ta’ ndafa u telqa ma’ kullimkien.

Dan l-istazzjon bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tas-Saħħa dwar ir-raġuni għaliex dawn l-immigranti għadhom qed jgħixu hemm – iżda s’issa dawn id-domandi għadhom ma ġewx imwieġba.

L-ammont ta’ persuni li t-Tnejn li għadda nħarġu mill-blokka kien ta’ iktar minn 150. F’kull kamra kienu joqogħdu iktar minn ħames immigranti, li allegatament kienu jħallsu madwar €200 fix-xahar kull wieħed. 

Fil-passat din il-binja kienet tintuża wkoll bħala akkomodazzjoni għall-istudenti li jitgħallmu l-Ingliż iżda s-sidien jidher li dawruha f’għadd ta’ kmamar illegali biex ikunu jistgħu jgħixu fihom l-immigranti.

Ikkummenta