Lokali

L-isfidi ta’ governanza tajba u l-motivazzjoni tal-għalliema jeħtieġ li jiġu indirizzati bis-serjetà

Pajjiżna jeħtieġ li jimmotiva u jirrispetta aktar l-għalliema tiegħu jekk irid ikollu suċċess akbar fost iż-żgħażagħ tiegħu. Is-sistema edukattiva trid taffaċċja bla dewmien l-isfidi ta’ governanza u tal-early school leavers li qegħda tesperjenza bħalissa. Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-PN u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Clyde Puli waqt laqgħa ma’ grupp ta’ żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-Parlament taż-Żgħażagħ.

Il-grupp taż-żgħażagħ li jiffurmaw il-Partit is-Sistema Edukattiva f’Malta kien wieħed varjat u tkellmu ma’ Clyde Puli dwar ir-riżultat ta’ studju li wettqu fost l-istudenti u r-riformi li huma jaraw li għandhom jiġu addottati fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Iż-żgħażagħ qalu li mit-tweġibiet tal-istudenti l-aktar li spikka kienet l-importanza tad-djalogu bejn l-istudenti u l-għalliema, l-istipendji u l-formazzjoni tal-klassijiet.

Suġġetti oħra li ġew diskussi kienu l-ħiliet ġodda li hemm bżonn fid-dinja tax-xogħol kif ukoll l-importanza tal-lingwa Maltija fis-sistema edukattiva. Dan il-grupp ta’ żgħażagħ kienu mmexxija mill-Kordinattriċi Sephora Vella u l-Viċi Kordinatur Jeremy Cardona.

Il-Parlament taż-Żgħażagħ se jsir fil-11 ta’ Settembru li ġej u jkun maqsum f’żewġ sessjonijiet, waħda għal żgħażagħ bejn it-13 u t-18-il sena u sessjoni oħra għal żgħżagħ bejn id-19 u l-35 sena. Is-sistema edukattiva f’Malta se tiġi diskussa waqt it-tieni sessjoni. Il-Parlament taż-Żgħażagħ huwa spazju fejn matul ix-xhur tas-sajf, iż-żgħażagħ jiddiskutu temi kurrenti u jippruvaw jsibu soluzzjonijiet, bl-attività tispiċċa b’seduta li ssir fil-Parlament.