Lokali Qorti

Multa ta’ €2,600 u sospensjoni tal-liċenzja għal sitt xhur wara li kien qed isuq fis-sakra

Turist Ingliż ta’ 23 sena ġie mmultat €2,600 u kellu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sospiża għal sitt xhur wara li ammetta li nhar it-Tlieta saq il-‘quad bike’ tiegħu f”Paċeville waqt li kien f’sakra kbira.

Jordan Eastland minn Londra ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li hedded Surġent tal-Pulizija meta dan waqqfu fi Triq San Ġorġ peress li kien qed isuq il-vettura mingħajr elmu.

Sar ukoll test tal-‘breathalyser’ fuq Easland fejn instab li l-livell tax-xorb fid-demm kien wieħed għoli u li qabeż il-limitu. Il-każ seħħ ftit qabel is-sagħtejn ta’ filgħodu bl-Ingliż jiġi arrestat ftit wara.

L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer akkuża lill-imputat li hedded Surġent tal-Pulizija, li kien qed isuq fis-sakra u mingħajr elmu. Wara li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Raisa Colombo iddiskutiet b’mod privat mal-Maġistrat Camilleri u l-Prosekuzzjoni, Eastland ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Il-Qorti mmultatu €2,600 u sitt xhur sospensjoni tal-liċenzja li ma tgħoddx biss għal Malta iżda anke l-Ingilterra u dan għaliex is-sospensjonijiet tal-liċenzja huma nforzati ukoll fir-Renju Unit.

Eastland talab lill-Qorti biex il-ħlas ta’ multa ma jsirx f’daqqa, liema talba ġiet aċċettata bil-ħati jkollu jħallas is-somma ta’ €75 fix-xahar. Il-Qorti wissietu li jekk jonqos li jagħmel dan jispiċċa biex ibati l-konsegwenzi.