Lokali Qorti

Multa ta’ €800 fuq kannabis u kokaina iżda mhux ħati li kiser il-libertà proviżorja

Marlon Baldacchino ta’ 19-il sena minn Ħaż-Żabbar ġie mmultat €800 mill-Maġistrat Josette Demicoli wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu l-pjanta kannabis u d-droga kokaina, liema każ seħħ f’Novembru li għadda fi Triq iċ-Ċawsli, Żabbar

Huwa iżda ma nstabx ħati li kiser il-liberta provizorja billi naqas milli jħares il-kundizzjonijiet li ġew imposti fuqu mill-Qorti tal-Magistrati, fosthom li ma jikkommettix reat iehor ta’ natura volontarja.

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-Prosekuzzjoni li talbitha hija tirrevoka s-somma ta’ €2,000 li kienet tpoġġiet bħala pleġġ u li din tiġi mgħoddija favur il-Gvern, kif ukoll li tirrevoka l-ħelsien mill-arrest tal-imsemmi Baldacchino u tordna l-arrest mill-ġdid tiegħu.

Mill-provi irriżulta li fl-4 ta’ Novembru 2018 ghall-habta tas-7, waqt li l-Ispettur Lydon Zammit, flimkien ma’ Pulizija ieħor, kien fuq investigazzjoni, kellhom informazzjoni li wieħed mis-suspettati kien ċertu Luke Vella u li kellu jmur jiffirma l-għassa tal-Pulizija.

Għall-ħabta tas-7.00p.m wasal Luke Vella f’karozza tal-ghamla Smart. Kif wasal Vella u daħal fl-għassa l-Ispettur mar ħdejn il-vettura fejn sab lil Baldacchino fuq in-naħa tal-passiġġier u dak il-ħin kien qed irembel xi tabakk. Dan infurmah li kien uffiċjal tal-Pulizija u talbu biex joħroġ mill-karozza fejn identifika ruħu u mingħajr ma staqsih xejn qallu li dak li kien qed irembel kien tieghu.

Staqsih kellux xi haġa oħra li hi tiegħu billi l-karozza rieduha għall-investigazzjoni u qallu li kellu powċ iswed. Huwa ngħata d-drittijiet u
infurmah li kien qed jiġi miżmum. Saret tfittxija fil-powċ fejn apparti s-sustanza li kellu f’idu nstabu wkoll f’borża oħra żewġ pillolli.

Instabu wkoll żewġ mowbajls, €40 fi flus kontanti, mus u xi affarijiet oħra. L-oġġetti għaddihom lill-Ispettur Joanna Piscopo li kienet preżenti miegħu meta kellmu lill-imputat. Ġiet elevata biss is-sustanza li ġiet esebita.

L-għada, l-imputat mar għand L-ispettur Zerafa fl-Għassa tar-Raħal
Ġdid billi kien intalab jippreżenta ruħu hemm. Meta mitkellem huwa
qalilha li s-sustanzi kienu pussess sempliċi u ġie arrestat.

Mir-rapport tal-Professur Emanuel Sinagra li eżamina d-dokument
irriżulta li fuq estratti meħuda mis-sustanza kafellatte, instabet is-sustanza
kokaina. Il-piż tas-solidu kafellatte kien ta’ 0.171grammi u l-purita’ ta’ madwar 15%. Din kienet maqsuma f’żewġ qratas tal-plastik trasparenti u l-piz ta’ kull biċċa kien 0.082g u 0.089g.

Sadanittant fuq estratti meħuda mill-ħaxix aħdar instabet is-sustanza Tetrahydrocannabinol. Il-piż total tas-sustanzi kien ta’ 0.459 u l-purita’ kienet ta’ madwar 6%. Din is-sustanza tiġi mill-pjanta tal-kannabis.

Mill-provi qalet il-Qorti jirriżulta li l-Prosekuzzjoni ppruvat mingħajr dubju raġonevoli li s-sustanzi illeċiti li ġew elevati kienu fil-fatt tal-imputat, inkwantu għall-pjanta kannabis, meta twaqqaf kien proprju f’idejh u l-kokaina kienet fil-powċ li apparti li kien l-istess imputat li ddikjara li huwa tiegħu, kien eżatt fejn saqajh fejn kien bilqegħda huwa fil-karozza.

Minbarra dan, l-istess imputat ammetta mal-Pulizija li d-droga kienet għalih personali. Dwar it-tielet akkuża fil-konfront ta’ Baldacchino giet eżebita kopja ta’ digriet tal-ħelsien mill-arrest li m’għandux firma fuqu tal-Maġistrat.

Filwaqt li mill-istess dokument jirriżulta li hija tal-istess uffiċjali prosekuturi f’dawk il-proċeduri u ta’ dawk preżenti u fuq l-istess dokument jirriżulta fost oħrajn bħala isem Marlon Baldacchino, biss pero’ l-prova tal-identita’ ma saritx u għalhekk il-Qorti ma tistax issib lill-imputat ħati ta’ din l-akkuża għax ma rriżultax li Marlon Baldacchino huwa l-istess Marlon Baldacchino ta’ dawn il-proċeduri.

Dwar il-piena, il-Maġistrat Josette Demicolo qalet li qegħda tieħu in kunsiderazzjoni n-natura tar-reati, iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-kondotta tiegħu li minkejja li għadu żgħir fl-età diġa’ nstab ħati ta’ diversi reati, dan għal tliet darbiet, u r-rapporti tal-Uffiċjal tal-Probation li bdiet issegwi lill-imputat taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja matul dawn il-proċeduri.

Mill-istess rapport jirriżulta li l-ħati għadu mhux qiegħed jifhem li jeħtieġlu jaħdem bis-serjetà kemm biex jegħleb il-vizzju tad-droga kif ukoll biex ikollu xogħol regolarizzat. Fid-dawl ta’ dan kollu il-Qorti ikkundannat lill-ħati għall-ħlas ta’ multa ta’ €800 u ordnat ukoll d-distruzzjoni tad-droga. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Zerafa u Paul Camilleri.