SLIEMA FRANK SALT…………. 10 SAN ĠILJAN TUM INVEST………….. 9
(2-1), (1-5), (3-0), (4-3)
Gowl ta’ Michael Spiteri Staines madwar tliet sekondi mit-tmiem, ta rebħa drammatika lil Sliema fuq San Ġiljan li biha għaddew għall-finali u b’hekk temmew kull tama ta’ San Ġiljan li jirbħu l-kampjonat. Protagonist ieħor kien il-gowlkiper Joseph Parnis li fosthom salva żewġ penalties u xutt fl-aħħar perikoluż fl-aħħar minuta.
Ir-rebħa ta’ Sliema uriet il-karattru li għandu t-tim hekk kif kienu għadhom kemm sofrew il-gowl tad-draw tliet sekondi qabel filwaqt li lagħbu l-aħħar minuta mingħajr iż-żewġ barranin u għal sessjoni mingħajr il-captain Mark Meli.
Għal San Ġiljan dan kien tmiem ta’ staġun diżappuntanti hekk kif kienu eliminati fl-istadju bikri tan-knock-out kontra Neptunes u issa spiċċaw l-anqas se jikkontestaw il-finali. F’din il-logħba l-pressjoni jidher li ħakmet sew hekk kif il-plejers fl-ilma kienu erratiċi.
Sliema rebħu l-ewwel sessjoni 2-1 b’gowls minn Gavril Subotic u penalty ta’ Norbert Hoznyansky, b’Matthew Zammit inaqqas id-distakk minn pożizzjoni ċentrali fl-aħħar minuta.
Il-Ġiljaniżi kellhom żewġ okkażjonijiet ta’ man-ups li ma skorjawx f’din is-sessjoni, bil-gowlkiper Slimiż Joseph Parnis jispikka f’azzjoni minnhom meta salva fuq Andreas Galea u r-rebound fuq Matthew Zammit.
Fit-tieni sessjoni, San Ġiljan u rnexxielhom jieħdu l-kontroll tal-logħba permezz ta’ doppjetta fi ftit ħin minn Dino Zammit. Hoznyansky ġab id-draw ftit wara b’xutt li Jake Tanti seta’ għamel aħjar, iżda gowl mis-centre ta’ Dobud kif ukoll minn Matthew u Dino Zammit daħħlu lill-Ġiljaniżi jistrieħu 6-3 minn fuq.
Iżda dan id-distakk sparixxa fit-tielet sessjoni hekk kif Sliema bidlu l-logħba u minbarra li ddefendew tajjeb, rażżnu l-furja ta’ San Ġiljan. Huma daħlu fil-logħba b’gowls ta’ Jerome Gabarretta u Zach Mizzi fl-ewwel terz tas-sessjoni.
San Ġiljan kellhom penalty ta’ Niksa Dobud salvat u ftit wara xutt ta’ Matthew Zammit stampa mal-mimduda, b’Jerome Gabarretta jġib id-draw wara li kompla għal ġewwa mill-viċin.
Fil-bidu tal-aħħar sessjoni, Molina kellu penalty salvat minn Joseph Parnis u fl-azzjoni ta’ wara Subotic poġġa lil San Ġiljan minn fuq minn penalty. Gavril Subotic ingħaqad ma’ Mark Meli wara li wkoll ġie fouled-out b’żewġ minuti u nofs għat-tmiem.
Norbert Hoznyansky ġie wkoll fouled-out b’minuta għat-tmiem u wara li Parnis salva xutt perikoluż lejn it-tmiem, San Ġiljan dehru li evitaw it-telfa b’gowl ta’ Dino Zammit sitt sekondi. Ir-referee Filippo Gomez iġġudika ball under ta’ Sliema u f’azzjoni veloċi Dino Zammit kompla għal ġewwa.
Iżda l-logħba kienet għadha ma spiċċatx u kif kellhom il-pussess Sliema, Michael Spiteri Staines ġie mwaqqaf minn Ben Plumpton, b’tal-aħħar jitfa’ ftit ilma li wassal biex tkeċċa, bil-plejer Slimiż jegħleb lil Jake Tanti minn pożizzjoni ċentrali b’żewġ sekondi u nofs għat-tmiem għal rebħa drammatika.
Sliema: J. Parnis, J. Gabarretta (2), G. Subotic (2), J. Sciberras, M. Meli, N. Hoznyansky (3), M. Spiteri Staines (1), L. Galea, B. Cachia, J. Gambin, Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), M. Vassallo, K. Borg, J. Cachia
San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea, N. Dobud (2), G. Molina (1), M. Zammit (2), B. Plumpton, K. Dowling, T. Said, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (4), Z. Micallef, J. Bonavia, J. Portelli
Referees: Mario Dalli, Filippo Gomez
//= $special ?>