Lokali

Tmut Margareth Smith

Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Margareth Smith, l-anzjana li sbieħ is-Sibt 8 ta’ Ġunju li għadda spiċċat mingħajr saqaf fuq rasha wara li ġġarrfet il-binja li kienet qed tgħix fiha fil-Mellieħa.

Kwazi tliet xhur wara l-inċident, hi kienet għadha qed tistenna kwalunkwe forma ta’ għajnuna biex terġa’ tikseb ħajjitha lura.

Dakinhar tal-inċident, hekk kif qamet kmieni filgħodu, Margareth sabet id-dar imġarrfa għal kollox, bis-sodda fejn kienet rieqda spiċċat nofsha mdendla ‘l barra. Bintha Lindsay kienet qalet li l-fatt li ommha għadha ħajja kien biss “miraklu”.

Il-mara kienet tinsab fil-kamra tas-sodda tagħha meta l-binja li tgħix fiha iġġarfet.  Dan seħħ għall-ħabta tas-6.00 tas-Sibt filgħodu u jidher li fil-ħin tat-tiġrif, il-mara kienet l-unika persuna fil-binja.

Janet Walker, li wkoll għaddiet mill-istess esperjenza li għaddiet minnha Margareth wara li ġġarfet darhom fil-Ħamrun, f’post fuq facebook esprimiet id-diqa bl-aħbar tal-mewt tagħha.

Fl-aħħar jiem Janet Walker kienet qed taħdem sabiex jibdew jinġabru fondi għal dawk il-familji li tilfu darhom kawża tal-kostruzzjoni li kienet qed issir qrib ir-residenzi tagħhom, inkluża wkoll Maggie Smith.