Sport Sport Ieħor

Tsitsipas, Thiem u Khachanov eliminati mill-Open tal-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Is-sid numru tmienja Stefanos Tsitsipas qal li xi kultant ma jħossux ispirat fuq il-court wara li b’sorpriża kien eliminat mill-ewwel rawnd. Il-Grieg ta’ 21 sena hu meqjus bħala wieħed mit-tennisti li jista’ jirbaħ Grand Slam fil-futur, iżda tilef 6-4, 6-7, 7-6, 7-5 kontra Andrey Rublev.

L-eliminazzjoni ta’ Tsitsipas ma kinitx l-unika waħda mit-tennisti ta’ fuq, hekk kif is-sid numru erbgħa Dominic Thiem u s-sid numru disgħa Karen Khachanov tilfu wkoll. Thiem, finalist tal-Open ta’ Franza darbtejn, kien megħlub 6-4, 3-6, 6-3, 6-2 kontra t-Taljan Thomas Fabbiano bi 48 unforced errors tul il-logħba.

Ir-Russu Khachanov li wasal mal-aħħar tmienja fl-Open ta’ Franza f’Ġunju, naqas li jieħu vantaġġ minn disa’ break points u tilef 4-6, 7-5, 7-5, 4-6, 6-3 kontra l-Kanadiż Vasek Pospisil.

Alexander Zverev għadda għat-tieni rawnd iżda b’diffikultà hekk kif kellu bżonn il-ħames set biex għelbet lil Radu Albot 6-1, 6-3, 3-6, 4-6, 6-2. Ir-rebbieħ tal-2014 Marin Cilic rebaħ 6-3, 6-2, 7-6 kontra Martin Klizan u Matteo Berrettini għeleb lil Richard Gasquet 6-4, 6-3, 2-6, 6-2.