Futbol Sport

Il-poloz taċ-Champions League

Iċ-champions Ewropej, Liverpool se jkunu qed jerġgħu jilgħabu fl-istess grupp ta’ Napoli tal-Italja, l-istess bħal ma ġara sena llu. F’Monaco, il-Ħamis ittelgħu l-poloz u f’Grupp E, l-istess grupp ta’ Liverpool u Napoli, telgħu ukoll sabiex jilgħabu flimkien Salzburg tal-Awstrija u Genk tal-Belġju.

Tottenham Hotspur, li staġun ilu kienu finalisti telliefa f’din il-kompetizzjoni, se jkunu qed jilgħabu f’Grupp B, l-istess grupp ta’ Bayern Munich tal-Ġermanja, Olympiacos tal-Greċja u Crevena Zvezda tas-Serbja.

F’Grupp A, PSG ta’ Franza u Real Madrid ta’ Spanja se jkunu qed jiltaqgħu kontra xulxin. Flimkien magħhom f’dan il-grupp hemm ukoll Club Brugge tal-Belġju u Galatasaray tat-Turkija.

Iċ-champions Ingliżi, Manchester City se jilgħabu f’Grupp Ċ, fl-istess grupp ta’ Shakhtar Donetsk tal-Ukrajna, Dinamo Zagreb tal-Kroazja u Atalanta tal-Italja.

Iċ-champions Taljani, Juventus se jkunu qed jerġgħu jilgħabu fil-UEFA Champions League kontra Atletico Madrid  ta’ Spanja f’Grupp D. Flimkien magħhom hemm fl-istess grupp Bayern Leverkusen tal-Ġermanja u Lokomotiv Moskow tar-Russja.

Wieħed mill-itqal gruppi mistenni jkun grupp F. Dan se jkun kompost minn Barcelona ta’ Spanja, Borrusia Dortmund tal-Ġermanja, Inter tal-Italja u Slavia Prague tar-Republika Ċeka.

Grupp G x’aktarx hu l-anqas grupp attrajenti għall-partitarji tal-futbol f’Malta għaliex se jkun kompost minn Zenit tar-Russja, Benfica tal-Portugal, Lyon ta’ Franza u Leipzig tal-Ġermanja.

Grupp H se jkollu fiħ lil Chelsea tal-Ingilterra, Ajax tal-Olanda, Valenzia ta’ Spanja u LOSC ta’ Franza.