Lokali

“Hemm bżonn ta’ aktar kontrolli fuq il-‘massage parlours'” – Magda Magri Naudi, President tal-MABT

Kienu aktar minn 500 l-irġiel li fl-aħħar sentejn kellhom jagħmlu testijiet wara li kellhom x’jaqsmu sesswalment ma’ nisa Ċiniżi u minn pajjiżi oħra tal-Ewropra tal-Lvant fil-famuzi ‘massage parlours’ li faqqsu f’diversi lokalitajiet f’pajjiżna.

Wara li fl-aħħar jiem ħarġu ċifri xokkanti ta’ rġiel li qed ikollhom iżuru l-GU Clinic wara li jkunu għamlu uzu minn servizzi ta’ ‘massage parlours’, Net News tkellem mal-President tal-Assoċċjazzjoni Maltija tat-Terapisti tas-Sbuħija Magda Magri Naudi li saħqet dwar il-bżonn ta’ aktar kontrolli. Dan sabiex ikun żgurat li t-terapisti huma kkwalifikati kif suppost u ma jsirx ħsara lit-terapisti li għandhom il-kwalifiċi neċessarji.

F’pajjizna wieħed minn kull 10 irġiel li żaru l-GU clinic mill-2017 ‘l hawn ammettew li kellhom kuntatt sesswali f’wieħed minm dawn il-parlours.

L-aħħar ċifri uffiċjali li jmorru lura għall-2016 jindikaw il-preżenza ta madwar 200 minn dat-tip ta’ ħanut, iżda minn dakinhar il-Gvern neħħa l-ħtieġa ta’ liċenzja għal stabbilimenti ta’ dan it-tip, bir-riżultat li mhux magħruf ezatt in-numru ta’ ħwienet li joffru dawn is-servizzi. Kien ghalhekk li din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista insista fuq il-bżonn li dawn il-ħwienet ikunu reġistrati

Il-Konfederazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet dwar id-Drittijiet tan-Nisa wrew tħassib serju dwar din is-sitwazzjoni u stqarrew li dawn l-istabbilimenti qed ipoġġu f’riskju serju lis-sieħba nisa ta’ l-irġiel li jżuruhom, li jispiċċaw jieħdu infezzjonijiet varju u li jiżviluppaw il-virus magħruf bħala HPV, li jista jwassal għall-kanċer.

Dan minbarra l-biza li n-nisa mpjegati bħala terapisti f’dawn il-‘massage parlours’ jaf kienu vittmi ta’ traffikar tal-perusuni li spiċċaw f’dan ix-xogħol wara li ġew imwegħda xogħol differenti meta kienu f’pajjiżhom.