Futbol

Hibernians jirkupraw minn ħasda kmieni biex jegħlbu lill-ġirien

George Cassar

HIBERNIANS –  4

TARXIEN RAINBOWS – 1

Hibernians: M. Jovicic, T. Tabone Desira, G. Izquier, A. Agius, F. Apap, D. Vella, J. Mbong, J. Grech, L. Nanni (M. Silveira 74’), T. Groothusen (A. Attard 78’), C. Atsina (M. Beerman 64’)

Tarxien R.: R. Briffa, M. Botta, T. Veronese, M. Tabone, D. Mambouana, M. Miranda Gomez, D. Zerafa (M. Ciantar 78’), B. Farrugia (M. Spiteri 64’), A. Andrejic, S. Shaba (B. Muscat 82’), J. Tenorio

Imwissija: D. Mambouana 52’ (T), M. Spiteri 73’ (T)

Skorjaw: A. Andrejic 13’ (T), L. Nanni 24’ (H). T. Groothusen 41’ (H), L. Nanni 50; (H), J. Mbong  73’ (H)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Darko Stankovic, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: J. Grech (H)

BOV Plejer tal-logħba: J. Grech (H)

Attendenza: 1,092

Hibernians irkupraw minn gowl li sofrew fl-ewwel kwarta u għelbu lill-ġirien Tarxien Rainbows b’distakk ta’ tliet gowls. Din kienet l-ewwel rebħa tal-kampjonat għall-Pawlisti wara li fl-ewwel logħba kienu ġew miżmuma minn Gudja United, filwaqt li t-Tarxiniżi baqgħu bla punti f’bidu ta’ staġun negattiv għalihom hekk kif sofrew tmien gowls f’żewġ logħbiet.

Jake Grech kien il-plejer li mexxa l-attakki ta’ Hibernians hekk kif kien hu li qassam tlieta mill-erba’ gowls Pawlisti filwaqt li Leonardo Nanni kien movimentat fl-attakk u skorja l-ewwel żewġ gowls tiegħu fil-Premier.

Fl-attakk ta’ Tarxien iddebutta l-Kolombjan Jairo Tenorio filwaqt li f’nofs il-grawnd lagħab ukoll għall-ewwel darba l-eks Floriana Brooke Farrugia. Il-gowlkiper ta’ Tarxien Rudy Briffa kien qed jilgħab għall-ewwel darba kontra t-tim li fl-aħħar erba’ staġuni kien il-gowlkiper ta’ riserva tiegħu.

Tarxien ħasdu lil Hibernians b’gowl wara inqas minn kwarta logħob meta l-kross fil-baxx ta’ Jairo Tenorio sab waħdu f’nofs il-kaxxa lil Aleksa Andrejic li kien pront dawwar il-ballun għal ġox-xibka.  

Ir-reazzjoni tal-Pawlisti waslet mill-ewwel meta qrib l-għoxrin minuta x-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Jake Grech għeleb lil Rudy Briffa iżda laqat il-wieqfa. Il-gowl tal-parità wasal f’nofs l-ewwel taqsima meta Andrei Agius ta freekick qasir minn fuq il-lemin lejn Leonardo Nanni li skorja minn tarf il-kaxxa b’xutt b’saħħtu għar-rokna tax-xibka.

Erba’ minuti qabel intemmet l-ewwel taqsima t-tim minn Raħal Ġdid mar fil-vantaġġ meta l-kross ta’ Jake Grech kien preċiż fuq ras Terence Groothusen li tefa’ fir-rokna tax-xibka.

It-tieni taqsima bdiet b’żewġ xuttijiet, l-ewwel wieħed ta’ Jake Grech li mar ftit għoli u l-ieħor ta’ Leonardo Nanni li laqat il-wieqfa. L-attakkant Taljan għaqqad doppjetta fil-ħames minuta tat-tieni taqsima meta rċieva pass fit-tul mingħand Jake Grech u qabbeż minn fuq Rudy Briffa.

Fit-73 minuta l-pagun Pawlist kompla jiftaħ rixu bir-raba’ gowl u l-moħħ warajh reġa’ kien Jake Grech li ta freekick malajr li ġab f’pożizzjoni tajba lil Joseph Mbong li avvanza u ma żbaljax mill-viċin.