Lokali

Ikompli l-battibekk bejn l-Air Malta u l-ALPA

Ajruplan tal-Air Malta (ritratt ġenerali)

Wara l-istqarrija tal-ALPA lbieraħ li kkundannat l-azzjoni legali tal-Air Malta kontra l-membri tagħha stess, illum kien imiss lill-linja Nazzjonali biex tirribatti l-argumenti tal-Assoċċjazzjoni tal-bdoti.

Fl-istqarrija tagħha lbieraħ l-ALPA, l-Assoċċjazzjoni tal-Bdoti tal-Linji tal-Ajru, qalet li l-kawża miftuħa mill-Air Malta kontra l-bdoti tagħha stess wara l-azzjonijiet industrijai tal-1 ta’ Lulju huma attentat ieħor biex jimmina l-libertà tal-membri tagħha u qed tipprova ċċaħadhom mid-dritt li jidħlu f’negozjati fl-aħjar interess tagħhom, kif ukoll biex iwaqqfuhom milli jkomplu jinsistu li jiġu osservati d-drittijiet li huma għandhom skont il-ftehim kollettiv.

Fir-risposta tagħha għal din l-istqarrija, l-Air Malta qalet li l-ALPA kienet ilha tiġi mwissija li l-linja tal-ajru Nazzjonali ma kienitx se tittollera dak li hi qed issejjaħlu theddid u abbuż.

Intant l-Air Malta tefgħet it-tort fuq il-Gvern li ma laqax it-talba tal-ALPA għal garanzija li l-bdoti jingħataw somma mal-irtirar u li skont l-Air Malta hija r-raġuni għall-azzjonijiet tal-ALPA.

L-Air Malta għalqet l-istqarrija billi qalet li l-linja Nazzjonali ma tistax titpoġġa f’pożizzjoni li tbati konsegwenzi finanzjarji bħala riżultat ta azzjonijiet li ttieħdu minħabba ċirkustanzi li m’għandhiex kontroll fuqhom.