Numru rekord ta’ iktar minn 6,000 oġġezzjoni għall-iskavar mid-db Group tas-sit fejn qabel kien hemm l-ITS ġew sottomessi lill-Awtorita’ tal-Ippjanar. Stqarrija tal-grupp Graffitti tgħid li dan in-numru ikompli jżid ma’ iktar minn 4,500 oġġezzjoni li kienu diġà saru kontrafir-rigward tas-City Centre Project .
Ix-xogħolijiet bħalissa huma weqfin wara li f’Ġunju, il-Qorti annullat il-permess minħabba l-kunflitt ta’ interess minn wieħed mill-membri tal-Bord tal-PA.
F’Lulju, diversi għaqdiet, Kunsilli Lokali u residenti ikkundannaw din l-applikazzjoni ġdida għal skavar waħdu bħala attentat ċar ta’ kif wieħed jipprova jevadi valutazzjoni sħiħa tal-impatt li se jġib miegħu dan l-iżvilupp permezz ta’ applikazzjoni separata minn dik li ġiet sottomessa mill-kumpanija sentejn ilu, iżda hija xorta waħda parti mill-istess proġett.
Il-Grupp fakkar li din l-applikazzjoni ta’ skavar fuq skala kbira ġiet ipproċessata f’ġimgħa biss, ma tagħti l-ebda indikazzjoni x’ser jiġri mill-iskart tal-iskavar u se jkun qiegħed ukoll jestendi taħt bunker tal-Gwerra Bierda u binja li hija skedata bħala grad 2.
Barra minn hekk l-iskavar ser ikun qiegħed ukoll jipperikola bil-kbir l-għar u l-madwar ta’ Ħarq Ħammiem, sit ta’ importanza naturali, ġeoloġika u xjentifika.
L-istqarrija tkompli li dan in-numru rekord ta’ oġġezzjonijiet ikompli juri kemm hija wiesa’ u qawwija l-oppożizzjoni għal dan il-proġett li ġie kkritikat minn ħafna nies u entitajiet differenti. F’Lulju, il-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex iddikjaraw li huma kontra dan il-proġett meta mozzjoni fl-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li l-proġett se jkollu impatt negattiv ferm fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ eluf ta’ residenti, ġiet approvata b’mod unanimu.
Residenti, Kunsilli Lokali u għaqdiet ser jibqgħu għaddejjin bl-isforz tagħhom biex iwaqqfu dan il-monument għar-regħba; proġett li juri diżrispett totali lejn ir-residenti u l-ambjent, u li ħa jibbenefikaw minnu biss dawk li se jaqilgħu il-miljuni mill-ispekulazzjoni tal-art.
L-Entitatjiet li qed joġġezzjonaw għal dan il-proġett huma l-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, Swieqi u San Ġiljan, u l-għaqdiet Archaeological Society of Malta, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Isles of the Left, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta u Ramblers Association
//= $special ?>