Lokali

Iktar minn 62,000 permess ta’ residenza lil barranin

F’sentejn biss, l-Aġenzija Identity Malta ħarġet iktar minn 62,000 permess ta’ residenza lil barranin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

Dan kien irrappurtat iktar kmieni din il-ġimgħa mill-istazzjon nazzjonali li kkwota ċifri mogħtija minn Identity Malta.

Fl-2018, inħarġu 35,526 permess ta’ residenza lil barranin li ġejjin minn stati barra mill-UE. Żieda qawwija ta’ 8,831 fuq l-2017.

Skont iċ-ċifri tal-istess Identity Malta, l-iktar li nħarġu permessi hu lil ċittadin Serbi – 5,744. Dawn huma segwiti minn Filippini – 4,741, Indjani – 3,437, Russi – 2,042 u Maċedoni – 1,591.

Il-maġġoranza kbira ta’ dawn il-permessi jinħarġu għal raġunijiet ta’ xogħol, bl-iktar setturi li qed jimpjegaw dawn il-barranin huma l-kostruzzjoni, l-ospitalita’ u s-saħħa.

Dawn in-numri ma jinkludux ċittadini minn Stati Membri tal-UE li m’għandhomx bżonn permess biex jgħixu u jaħdmu f’Malta.

Dawn iż-żidiet qawwija sena wara l-oħra jikkonfermaw il-kritika tal-PN li l-Gvern qed ikabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni.

Madanakollu filwaqt li l-Gvern qed jiftaħ il-bibien beraħ lil dawn l-għexieren ta’ eluf li qed jiġu Malta sena wara l-oħra, jidher li ftit li xejn sar pjanar fuq l-effetti ta’ dawn iż-żidiet qawwija fuq diversi oqsma tal-pajjiż.

Fost oħrajn, effetti fuq l-infrastruttura bħat-toroq u t-traffiku, il-produzzjoni tal-ilma u s-sistema ta’ trattament tad-drenaġġ u l-ħtiġijiet ta’ saħħa u postijiet fl-iskejjel.

Piżijiet oħrajn li dwarhom jidher li ma sarx pjanar huma l-effett li l-miġja ta’ dawn l-eluf fuq is-suq tal-propjeta’ u l-kirjiet u pressjoni li jista’ jkun fuq il-pagi li jitħallsu f’ċertu tipi ta’ xogħol li kull ma jmur, iktar qed isiru minn barranin milli Maltin.