Lokali

Il-Bank Ċentrali jgħid li żdiedu l-persuni li qed iħallsu loans aktar milli jifilħu

Il-Bank Ċentrali wissa li xi persuni qed jieħdu self fuq id-djar li jaqbżu bil-bosta il-paga tagħhom u li f’każ ta’ tnaqqis fl-ekonomija, jistgħu jinkixfu dawk li l-Bank iddeskriva bħala ‘pockets ta’ vulnerabbiltà’.

Artiklu li deher fuq il-ġurnal The Malta Independent jindika li fir-Rapport tal-Istabbilità Finanzjara tiegħu,  li jevalwa l-iżviluppi fis-sistema finanzjara domestika għall-2018, il-Bank Ċentrali qal li fejn tidħol il-kapaċita tal-ħlas, hemm min qed jieħu loans li ma jifilħux għalihom meta wieħed iqis il-qligħ tagħhom.

Dan il-fatt huwa inkwetanti u jista’ jkun indikattiv ta’ setturi ta’ vulnerabbiltà.

Il-ġurnal jgħid li din hija aħbar ħażina ferm meta wieħed iqis l-aktar żviluppi riċenti fil-qasam tal-housing, li qed jara numru ta’ persuni li qatt ma rajna bħalu li qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom f’pajjiżna.

Fl-aħħar snin pajjiżna ra żidiet kbar fil-prezzijiet tad-djar li qiegħed kull ma jmur jagħmila dejjem aktar diffiċli għal min irid jixtri daru, biex jagħmel dan. Agħar minn hekk, teżisti realta ġdida ta’ ħaddiema fil-faxxa tal-middle class li mhumiex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar, u allura jsibuha ferm diffiċli biex iħallsu l-loans li kienu daħlu għalihom snin ilu.