Lokali

Il-Gvern ikompli jiżżerżaq ‘l isfel fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Konferma oħra ta’ kemm il-Gvern sejjer lura fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus ħarġet il-ġimgħa l-oħra meta kienet pubblikata l-edizzjoni tal-2019 ta’ dak magħruf bħala l-Basel Anti-Money-laundering Index.

Minn dan l-indiċi irriżulta li l-Gvern Malti mar lura mit-12 għat-13-il post bejn l-2018 u l-2019. Iżda aktar indikattiv hu l-fatt li filwaqt li Gvern Nazzjonalista ħalla lil Malta fis-seba’ post f’dan l-indiċi, din is-sena, Malta tinsab fit-13-il post.

Dan l-indiċi jkejjel ir-riskju tal-ħasil tal-flus fil-pajjiżi kollha madwar id-dinja u hu maħsub biex jindika kemm pajjiż ikun vulnerabbli quddiem ir-reati finanzjarji. Hu pubblikat mill-Basel Insititute of Governance – entità non-governattiva u mhux kummerċjali.

Matul is-snin mill-2013 ’il quddiem, Malta qatt ma irnexxielha tikseb lura postha u baqgħet ftit ftit dejjem nieżla ’l isfel.

Dan l-Indiċi għall-2019 ġie fi żmien li fih pajjiżna qed jistenna li fi ftit ġimgħat oħra jkun pubblikat rapport ieħor fir-rigward ta’ Malta u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Dan hu rapport tal-Moneyval, l-organizzazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa li tikkordina l-ħidma kontra l-ħasil tal-flus f’dan il-kontinent.

Ir-rapport tal-Moneyval, li se jkun pubblikat f’Settembru, hu l-ħames wieħed dwar Malta. L-erba’ rapporti l-oħra (1998, 2002, 2005 u 2012) kollha saru taħt gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista. Ir-rapport li se jkun pubblikat ikopri l-perjodu ta’ Gvern Laburista bejn l-2013 u l-2018.

Għalkem il-kontenut finali tar-rapport għad irid ikun pubblikat, sezzjoni tal-midja lokali diġà tat ħjiel ta’ dak li fih u li l-konklużjoni mistennija tkun li pajjiżna weħel minn dan l-‘eżami’ rigoruż. Aktar minn hekk, l-istess sezzjoni tal-midja lokali ikkwotat sorsi tal-Moneyval li qalu li jidher li għall-Gvern Malti, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus mhix prijorità.

Fl-ewwel erba’ rapporti tal-Moneyval dwar Malta, pajjiżna kien jingħata kredtu għall-mod kif pass wara pass kien qed itejjeb u jħarrax din il-ġlieda. Hu sinifikanti li fl-aħħar rapport li sar fi żmien Gvern Nazzjonalista, dak tal-2012 – il-Moneyval qal “ingeneral the human, financial and technical resources allocated by Maltese authorities for anti-money laundering matters are satisfactory.”

Dak ir-rapport tal-2012 kien iddikjara wkoll li Malta kienet tosserva għalkollox jew kważi għalkollox, ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam.