Lokali

Il-Gvern qed jitlef il-kontroll tal-pajjiż – PN

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-aħħar każ ta’ xejn inqas minn 150 persuna barranija li nstabet tgħix f’kundizzjonijiet diżumani. Dan mhux l-ewwel każ, u sfortunatament kellna numru sew ta’ persuni li nġiebu f’pajjiżna mingħajr ebda forma ta’ kontroll jew attenzjoni sabiex jaħdmu, li tħallew jgħixu f’dawn il-propjetajiet.

Fi stqarrija maħruġa mid-deputati Carm Mifsud Bonnici u Ivan Bartolo, intqal illi dan kollu huwa skandaluż u mill-iktar kundannabbli. Il-kwantità ta’ każijiet u l-ammont kbir ta’ barranin li għax ma jistgħux jsibu fejn jgħixu u jorqdu qed jidħlu f’postijiet bħal dawn, għandha ġġib kundanna nazzjonali. Jidher għalhekk mill-iktar ċar li f’dan is-settur il-Gvern tilef kull forma ta’ kontroll fuq t-territorju nazzjonali. 

Taħt imnieħer il-Gvern qed nsibu, xahar wara xahar, mijiet ta’ barranin jgħixu f’postijiet li ma jgħaddu minn ebda eżami fl-iġjene u s-saħħa u assolutament mhux tajbin għall-bniedem. Mhux biss, fis-socjetà tax-xejn mhu xejn qiegħed jiġi permess abbuż mill-iktar gravi ta’ ħlasijiet qawwija lil dawn l-ħaddiema li qed jigu sfruttati. Sfruttati bi ħlasijiet għolja ħafna fejn kull wieħed jikri mhux post, imma sodda fejn jista’ jorqod wara ġurnata xogħol.

Dan il-każ ikompli jipprova l-ewwel kemm l-Oppożizzjoni għandha raġun li s-sitwazzjoni soċjali sejra lura biċċa biċċa, it-tieni  jitlob aktar li urġentement jiġi investigat x’inhuwa jiġri fil-pajjiż.

Il-PN qal li dawn il-persuni, la darba nġiebu mill-Gvern, ħaqqhom dinjità,  protezzjoni u ġustizzja soċjali kontra kull sfruttament. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jidhirlu li dan l-istat tal-affarijiet juri li l-Gvern tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u għandu jerfa r-responsabilità ta’ dan kollu lejn il-poplu Malti.