Ambjent Lokali

L-Oppożizzjoni se tkompli tiġġieled il-qerda ambjentali kawża tal-proġett tas-Central Link

Il-Gvern għandu jieqaf għaddej bħal gaffa minn fuq kulħadd, jagħti widen l-oppożizzjoni unanima għall-proġett inkluż tal-Partit Nazzjonalista, tar-residenti u tal-għaqdiet ambjentali u jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proġett tas-Central Link.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata minn
David Agius, Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma, Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives, Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura, Marthese Portelli,Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà, u Edwin Vassallo, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu fuq kollox jisma’ t-talbiet li saru minn 15-il għaqda ambjentali li qed jitolbu lil Gvern ma jkomplix iwebbes rasu u jipproċedi bil-proġett tas-Central Link b’impatt detrimentali ambjentali kbir, li se tfisser il-qerda ta’ 50,000 metru kwadru ta’ art agrikola u open spaces flimkien ma’ kważi 500 siġra li jagħtu karattru uniku lil din iż-żona ta’ Malta, u li uħud minnhom għandhom għexieren kbar ta’ snin, flimkien mal-qtil tal-għajxien ta’ ħafna bdiewa. 

L-istqarrija tkompli tgħid li l-Gvern tant ma jimpurtaħx mill-ambjent, l-għaqdiet, r-residenti kif ukoll il-bdiewa, li ċ-Chairman tal-ERA Victor Axiak, li ħatar hu stess, ivvota favur dan il-proġett meta kellu d-dover li jħares l-interess ambjentali.

Qed joħroġ biċ-ċar li dan il-Gvern ma jimpurtaħx mill-ambjent iżda għandu ossesjoni biss biex jaqla’ s-siġar. Dan meta pajjiżna għandu fost l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa, u meta pajjiżna qed jara żieda fil-problemi respiratorji, ittemm tgħid l-istqarrija.