Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qed ikompli jżomm lill-Uffiċjali tal-Komunità – jew kif inhuma magħrufa minn ħafna bħala l-Gwardjani Lokali – fil-limbu dwar it-talba tagħhom għal żieda fil-pagi.
Mistoqsi minn NET News, il-Ministru Bonnici ma riedx iwieġeb jekk il-Gvern għandux xi żmien stipulat meta se jkun qed jirranġa din is-sitwazzjoni. Minflok ma wieġeb, hu rrefera biss għall-ħidma li diġà saret fix-xhur li għaddew.
Dan jistona sew mal-karbiet tal-Uffiċjali tal-Komunità, li għadhom għaddejjin b’għadd ta’ azzjonijiet industrijali għax il-Gvern mhux jagħti kashom. Aktar minhekk, huma qed jikkritikaw lit-tmexxija tal-GWU għax qed jgħidu li l-union mhix qed tkun ta’ spalla kontra x-xeħħa tal-Gvern fil-konfront tagħhom.
Ironikament, il-Ministru Bonnici wieġeb din il-mistoqsija fil-bini tal-LESA – l-Aġenzija responsabbli mill-Uffiċjali tal-Komunità u fil-preżenza wkoll taċ-Chairman tal-Aġenzija Ray Zammit.
Hemm, kien spjegat li minn Jannar sal-lum ingħataw kważi 2,000 taħrika ambjentali għal rimi ta’ skart illegali, bi kważi 1,000 minnhom jingħataw mill-1 ta’ Lulju ‘l quddiem. Fl-istess waqt, il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabru madwar 9,000 tunnellata ta’ skart mormi illegalment.
//= $special ?>