Sport Sport Ieħor

Luxol punt bogħod mill-kwalifikazzjoni b’rebħa missielta fuq Dinamo Chisinau

(Ritratt: Joe Borg)

LUXOL………………………. 5 DINAMO CHISINAU…………………… 3

Luxol komplew jibnu wara r-rebħa kontra Fiorentino hekk kif din id-darba għelbu liċ-champions tal-Moldova Dinamo Chisinau 5-3. B’hekk iċ-champions Maltin jonqoshom punt biex jikkwalifikaw għar-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League għat-tieni darba fl-istorja tagħhom.

L-ewwel taqsima kienet pjuttost bilanċjata iżda fit-tieni 20 minuta t-tim Malti tjieb għalkemm fl-aħħar minuti ppermettew lil Dinamo Chisinau jiskorjaw darbtejn. Iż-żewġ timijiet kienu kawti fil-bidu, b’Everton Veve jkun l-aktar perikoluż għal Luxol fl-ewwel minuti għalkemm ma kienx preċiż.

Luxol marru fil-vantaġġ lejn nofs l-ewwel taqsima b’kontrattakk maħdum tajjeb, b’Maicon da Silva jirċievi passaġġ preċiż qabel skorja mill-viċin. Chisinau pruvaw iġibu d-draw sa qabel il-mistrieħ iżda d-difiża Maltija mmexxija mill-gowlkiper Kenneth Rakvaag għalqet tajjeb l-ispazji.

It-tim immexxi minn Gabriel Dobre rdoppja 29 sekonda mill-ftuħ tat-tieni taqsima b’xutt mill-isbaħ ta’ Celino Alves minn angolu ristrett, f’dak li kien it-tieni gowl f’dan it-tournament. Disgħa u erbgħin sekonda wara wasal it-tielet gowl meta din id-darba kienet ħarba ta’ Emil Andrei Raducu li spara fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Dinamo Chisinau daħlu fil-logħba ftit wara minn Cherniavskyi iżda Luxol għalqu l-logħba b’żewġ gowls oħra. L-ewwel kien minn kontrattakk ieħor li fih Everton Vevè ċċentra ruħu u sab ix-xibka u żewġ minuti mit-tmiem Dejan Bizjak issiġilla r-rebħa bi free-kick potenti mid-distanza. It-tim mill-Moldova naqqas id-distakk lejn it-tmiem minn Bagriak u Kalukov.

Luxol jilagħbu l-aħħar logħba s-Sibt fis-1.30pm kontra n-Norveġiżi Sjarmtrollan li fl-ewwel logħba tagħhom spiċċaw 2-2 kontra Dinamo Chisinau.