Il-pazjenti li jużaw is-servizz tas-saħħa mentali żgur li mhumiex priorità għal dan il-Gvern, u l-konferma, jekk qatt kien hemm bżonnha, ġiet waqt konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ il-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne biex jinawgura sala suppost rinnovata.
Hekk kif waslet fil-post, il-media preżenti ttieħdu f’sala St Jean Antide, li sa ftit ilu kienet tospita lil għadd ta’ anzjani – sala li nbniet madwar 12 jew 13-il sena ilu u filfatt, kif wieħed seta’ jinnota sew, din is-sala, li nbniet pjuttost reċentement baqgħet kif kienet għajr għal lagħqa żebgħa.
Il-Ministru tas-Saħħa f’diskors li għamel tul din il-konferenza qal li jeħtieġ jinħoloq ambjent aktar dinjituż kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-ħaddiema. Kliem li l-Ministru seraq testwalment mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista ta’ 6 snin u nofs ilu.
Tul il-konferenza Net News staqsa lill-Ministru meta se jiġu solvuti il-problemi veri ta’ dan l-isptar, jiġifieri il-ħafna kmamar fis-swali bis-soqfa marbuta bil-jackijiet, u l-problema tal-iffullar li issa tant eskalat li għadd ta’ pazjenti vulnerabbli saħansitra spiċċaw qed jorqdu fuq saqqijiet mal-art.
Iżda l-Ministru mhux talli naqas milli jwieġeb, talli lanqas ma caħad li hemm pazjenti mal-art, jew li jirreferi għall-ħafna kmamar bis-soqfa kkundannati. U meta sab ruħu daru mal-ħajt, telaq ‘l hemm.
Net News jinsab infurmat ukoll li mhux talli dawn ix-xogħlijiet fuq is-soqfa għadhom lanqas biss bdew, talli l-problema infirxet tant li anke l-kurituri prinċipali issa qed iżommu fuq il-jackijiet. Din ġiet ikkonfermata mill-fatt stramb li l-media ma ddaħħlitx l-isptar mill-bieb ċentrali u minflok kulħadd bela’ mixja taħt xemx tikwi, tant li l-Ministru stess beda’ jistaqsi lill-assistenta tiegħu għalfejn kelna nieħdu dil-mixja, bl-assistenta tlaqlaq u ma tirrispondix.
Persuni midħla sew tal-isptar saħansitra qalu li il-binja għadha ma ġietx iċċekjata kollha strutturalment, li jfisser li anke l-partijiet fejn mhemmx jackijiet hemm dubji dwar is-sigurtà tagħhom. Bħalissa madwar tlett kwarti tas-swali f’Monte Carmeli għandhom soqfa kkundannati u huma marbuta bil-jackijiet. Naturalment il-media ma ngħatax iċ-ċans li żżur dawn il-partijiet tal-isptar, u baqgħet ukoll bla tweġibiet dwar meta se jiġu riżolti l-problemi kbar li jeżistu f’Monte Carmeli. Sadanittant, il-pazjenti li qegħdin hemm għall-kura jibqgħu jissaportu dawn il-kundizzjonijiet miżeri li żgur ma jghinux ghall-kura tagħhom.
//= $special ?>