Lokali Qorti

Plejer tat-tim nazzjonali Malti jammetti li ta fastidju lill-ex tfajla tiegħu

Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti Clifford Gatt Baldacchinio, li jilgħab fil-kampjonat Premier ma’ Gżira United ammetta fil-Qorti li huwa ta fastidju lill-eks tfajla tiegħu wara li għamillu diversi telefonati u sa kien imur warajha f’bajja bi vjolazzjoni ta’ ordni mill-Qorti.

Id-difensur ċentrali ammetta l-akkużi li għamel użu ħażin mill-meżżi ta’ kommunikazzjoni u dan permezz tal-mobajl u li kkaġuna lit-tfajla biża li se tintuża vjolenza kontra tagħha. Huwa ammetta wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni u sentenza sospiża.

L-Ispettur Robert Vella u l-Avukat tal-akkuat Jean Paul Sammut kellmu lill-Maġistrat b’mod privat waqt il-kawża, u dan biex il-pubbliku u l-ġurnalisti jkunu mpeduti milli jisimgħu l-eżitu tad-diskussjoni.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni spjegat kif Gatt Baldacchino kien f’relazzjoni ma’ mara li spiċċat. Madankollu l-plejer kien ‘ossesjonat’ fuqha, u beda jaġixxi b’mod li hi bdiet tibża u sa anke għamlet rapport lill-Pulizija dwar dan fejn qaltilhom biex jgħinuha.

Il-plejer kien diġa pprojbit mill-Qorti milli jagħmel kuntatt magħha, u għalhekk fis-16 ta’ Awwissu nħarġet ordni ta’ protezzjoni u fit-23 ta’ Awwissu huwa kien ingħata sentenza sospiża għall-azzjonijiet tiegħu.

Madankollu anqas minn ġimgħa wara Gatt Baldacchino kiser l-ordni ta’ protezzjoni u s-sentenza sospiża, u dan wara li nhar il-Ħadd huwa mar fil-bajja fejn kienet qed tgħum l-eks tfajla tiegħu, anke jekk huwa telaq mingħajr ma kellimha.

Sadanittant nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Awwissu, huwa beda jċemplilha diversi drabi fuq il-mobajl tagħha. Gatt Baldacchino ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih bil-Maġistrat jgħid li kien se jagħti s-sentenza f’data aktar tard. Id-difiża ma għamlitx talba għal libertà proviżorja bil-plejer jinżamm arrestat.