Lokali

Problemi finanzjarji għall-Air Malta

Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, tinsab lura fiż-żona il-ħamra fejn jidhlu l-finanzi…sena biss wara li kien mħabbar is-suppost profitt tal-kumpanija, li tant ftahar bih il-Gvern u l-Ministru Konrad Mizzi.

Skont sors internazzjonali li janalizza l-industrija tal-avjazzjoni, rappurtat mit-Times, il-mossa tal-Gvern li bla pjan idahhal rotot ġodda “kellu impatt finanzjarju negattiv” fuq il-linja nazzjonali tal-ajru.

Mistoqsi għal reazzjoni, kelliem għall-Air Malta ċaħad l-aħbar u qal li l-kumpanija mistennija tirreġistra profitt raġonevoli. Din mhix l-ewwel darba għaliex anke s-sena l-oħra l-analisti tal-avjazzjoni qajmu dubji dwar ir-riżultati finanzjarji li kienu ħarġu.

Iċ-Ċentru għall-Avjazzjoni, CAPA, is-sena li għaddiet tat l-award imsemmi ‘Turnaround of the Year’ lil-linja nazzjonali tal-ajru ta’ Malta wara li r-riżultati finanzjarji tal-2018 raw profitt operattiv minimu ta’ €1.2 miljun.

Fl-aħħar rapport tagħha, madankollu, CAPA tgħid li l-AirMalta spiċċat lura fiż-żona l-ħamra fis-sena finanzjarja 2019 ….li ntemmet f’Marzu 2019.

Ir-riżultati uffiċjali għas-sena finanzjarja li ghadha kif intemmet għadhom qed jiġu riveduti minn awdituri lokali.

Sabiex jitnaqqas it-telf, il-CAPA qalet li l-Air Malta trid twaqqaf l-espansjoni u żżid il-frekwenzi minflok tinvesti f’aktar destinazzjonijiet ġodda.

Fil-websajt tagħha, CAPA hija deskritta bħala waħda mill-iktar sorsi ta’ fiduċja fl-industrija tal-avjazzjoni u l-ivvjaġġar. Hi għandha reputazzjoni mingħajr paragun għall-indipendenza u l-integrità tagħha.

Inċidentalment, CAPA se torganizza l-laqgħa ġenerali annwali tagħha f’Malta aktar tard din is-sena.