Futbol Sport

Zamble iħalli lil Birkirkara bla punti

George Cassar

SENGLEA ATHLETIC-  1

BIRKIRKARA – 0

Senglea A. : M. Farrugia, M. Dias (Wilkson 61’), M. Micallef, S. Olberkis, M. Todorovic, D. Xuereb, S. Cipriott, E. Sakyi (L. Grech 61’), J. Tanti, T. Marukawa (A. Spiteri 76’), W. Zamble

Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, I. Ntow, E. Pepe, Jeferson, R. Briffa, T. Agius (Y. Yankam 53’), M. Alba (J. Bezzina 64’), C. Prado, M. Vella, L. Montebello (F. Falcone 68’)

Imwissija: M. Dias 36’ (S), E, Sakyi 55’ (S), M. Micallef 73’ (S), M. Vella 91’ (B), I. Ntow 92’ (B)

Imkeċċi: Jeferson 10’ (B)

Skorjaw: W. Zamble 78’ (S)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Luke Portelli, James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: T. Marukawa (S)

BOV Plejer tal-logħba: T. Marukawa (S)

Gowl ta’ Wilfried Zamble kwarta mit-tmiem kompla żied il-miżerja ta’ Birkirkara li baqgħu bla punti u bla gowls wara żewġ partiti tal-kampjonat.

Il-partita kienet ikkundizzjonata mit-tkeċċija tad-difensur ta’ Birkirkara Jeferson Ferreira wara biss għaxar minuti li ħalliet lill-Karkariżi jilagħbu kważi l-logħba kollha bi plejer inqas. Senglea approfittaw minn dan kollu hekk kif ħadu l-logħba f’iidejhom u kienu l-iktar tim li kkonkluda speċjalment permezz tal-aħjar plejer tal-logħba Taisei Marukawa.

Din hija l-ewwel darba fl-aħħar għoxrin sena li Birkirkara bdew il-kampjonat b’zewġ telfiet bil-kowċ John Buttigieg s’issa tilef il-partiti kollha tal-kampjonat minn meta nħatar kowċ ta’ Birkirkara f’April li għadda. Fl-aħħar tal-partita dehret evidenti r-rabja tal-partitarji Karkariżi għar-riżultati negattivi li kellhom s’issa.

L-attakkanti Jorginho u Tarabai reġgħu ma kinux inklużi fl-iskwadra bħalma ma kienx ukoll Michael Mifsud li l-futur tiegħu ma’ Birkirkara issa jkompli jidħol fid-dubju.

Wara għaxar minuti Jan Tanti ta ballun ’il quddiem għall-ġirja ta’ Wilfried Zamble, bl-attakkant mill-Kosta tal-Avorju jiġi mwaqqa’ minn Jeferson Ferreira barra l-kaxxa hekk kif kien qiegħed jiġri lejn Andrew Hogg. Ir-referì Ishmael Barbara, wara li ħasibha ftit, saffar għall-fawl u wera l-karta l-ħamra lid-difensur Karkariż.

Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Sean Cipriott ta’ Senglea kien sfortunat li x-xutt sabiħ tiegħu minn barra l-kaxxa kien imwaqqaf mill-mimduda.

Senglea baqgħu jersqu qrib il-gowl b’żewġ xuttijiet tipiċi minn barra l-kaxxa ta’ Taisei Marukawa li t-tnejn li huma marru barra.

Għoxrin minuta mit-tmiem il-kowċ Buttigieg introduċa lil Federico Falcone li għal ftit ma żblukkax ir-riżultat mill-ewwel. Minn kross ta’ Cain Attard, id-daqqa ta’ ras tal-attakkant Arġentin poġġiet f’diffikultà lil Matthew Farrugia li dawwar f’korner.

Fit-78 minuta wasal il-gowl deċiżiv b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ta’ Wilfried Zamble li ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka.

Birkirkara għafsu mqar għall-gowl tal-parità iżda t-tim mill-Isla żamm sod sal-aħħar anki jekk l-aħħar minuti l-gowlkiper tagħhom Matthew Farrugia kellu jilgħabhom izappap wara li l-kowċ Mario Muscat kien għamel is-sostituzzjonijiet kollha.