Lokali Qorti

Speċjlista bi protest ġudizzjarju kontra l-Ministru tas-Saħħa u s-CEO ta’ Mater Dei

L-ispeċjalista Naged Megally li ilu snin twal iservi fid-Dipartiment tal-Ostetrija kemm f’Mater Dei u qabel fl-isptar San Luqa, fetaħ protest ġudizzjarju kontra Ivan Falzon, il-Kap Eżekuttiv, kif ukoll il-Ministru tas-Saħħa fost l-oħrajn, hekk kif qed jallega li fl-10 ta’ Lulju, il-Professur Yves Muscat Baron keċċieh mill-klinika tal-ultrasound għax qal li minħabba d-diżabilità tiegħu Megally qed idum wisq biex jara lill-pazjenti.

Meghally fil-protest ġudizzjarju qed jgħid li dakinhar tant riedu jeħilsu minnu li lanqas ingħata ċans li jitwassallu siġġu tar-roti, imma ġie mqandel minn ġol-kamra.

Meta Meghally prova jilmenta ma’ Falzon dwar il-każ, hu ġie mhedded.

Il-protest ġudizzjarju jgħid li l-lingwaġġ ta’ Yves Muscat Baron u tas-CEO ta’ Mater Dei kien abbuzi, illegali u dispreġjattiv fost l-oħrajn, u li t-tabib kien qed jitkeċċa biss abbażi tad-diżabiltà tiegħu.

L-avukati ta’ Meghally qed jitolbu għal kumpens għal dak li ġralu kif ukoll għal kopja sħiħa tar-rapport.